Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippressjeda għall-iffirmar ta’ ftehim bejn Transport Malta u Ambjent Malta bl-għan li xogħlijiet ta’ landscaping u tisbiħ madwar l-infrastruttura tat-toroq isiru f’ħinijiet off-peak.
Dan il-ftehim jifforma parti minn sensiela ta’ miżuri fuq medda ta’ 18-il xahar biex tiġi mitigata l-isfida tat-traffiku, jitnaqqas l-iskariġġ u tiżdied l-effiċjenza.
“Dan il-ftehim hu pass ieħor fil-pjan tagħna li nutilizzaw it-toroq u l-infrastruttura preżenti b’mod aħjar. Dan huwa xhieda ċara tal-impenn tal-Gvern biex jimplimenta soluzzjonijiet prattiċi li jtejbu l-mobilità u l-kwalità tal-ħajja. Dan il-ftehim jagħti spazju lil Ambjent Malta biex iwettaq xogħol vitali mingħajr ma jikkawża konġestjoni bla bżonn,” sostna l-Ministru Bonett.
Skont il-ftehim, xogħlijiet ta’ tisbiħ u landscaping għandhom isiru barra l-peak hours li huma bejn is-06:00 u d-09:00 kif ukoll bejn l-16:00 u s-19:00 matul il-ġimgħa, u bejn id-09:00 u s-13:00 nhar ta’ Sibt. Dan ma japplikax għal każijiet fejn ix-xogħol ma jaffettwax il-fluss tat-traffiku.
Il-ftehim jinkludi wkoll il-ħolqien ta’ struttura ta’ koordinazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet, fejn jinħatru uffiċjali responsabbli għall-ippjanar u l-monitoraġġ tal-ħidma. Ambjent Malta ser tkun ukoll responsabbli li tiżgura li l-ħidma kollha tkun konformi mar-regolamenti ta’ saħħa u sigurtà, inkluż l-użu ta’ sinjali u miżuri ta’ ġestjoni tat-traffiku meta jkun hemm bżonn.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, u mid-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea.