Sunday, December 22, 2024

Ftehim b’investiment ta’ aktar minn €7 miljun mal-Fondazzjoni ALS Malta

Aqra wkoll

Ftehim b’investiment ta’ aktar minn €7 miljuni fuq medda ta’ tliet snin bejn l-Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Fondazzjoni ALS Malta se jkun strumentali biex Dar Bjorn tkompli tkabbar il-firxa ta’ servizzi lil persuni b’diżabilitajiet diversi. 30 persuna oħra se jkunu qegħdin jibbenefikaw minn dan il-ftehim. Hekk kif f’Dar Bjorn, Ħal Qormi diġà qed jibbenefikaw 13-il persuna bi ftehim preċedenti.

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Hija qalet li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim huwa tkomplija ta’ messaġġ b’saħħtu mill-Gvern ta’ kemm jemmen bis-sħiħ li l-għaqdiet volontarji huma parti minn pedament importanti fil-mixja ta’ pajjiżna.

“Dar Bjorn tissimbolizza mhux biss din il-mixja imma hija wkoll mudell ċar ta’ kif għaqda volontarja tista’ tkun il-vuċi għas-settur tad-diżabilità kif ukoll mudell ta’ kif noffru l-aqwa u l-aħjar servizz. Qegħdin inkomplu naraw kif permezz ta’ NGO, is-settur privat u l-investiment bla preċedent tal-Gvern qegħdin inkomplu noffru r-raġġ ta’ dawl meħtieġ għal numru ta’ persuni b’diżabilità,” qalet il-Ministru Farrugia Portelli

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Oliver Scicluna, spjega li dan il-ftehim se jkun qed jindirizza l-bżonn ta’ servizzi speċjalizzati lill-individwi minħabba l-kundizzjonijiet ta’ saħħa speċifiċi, skont is-sitwazzjoni medika tagħhom. Żied jgħid li hemm min jagħżel li minħabba l-bżonnijiet mediċi tiegħu jidħol jgħix, jieħu l-kura u l-mistrieħ f’faċilità moderna u dinjituża fil-qalba tal-komunità. Kompla li Aġenzija Sapport tibqa’ kommessa li tikkollabora ma’ entitajiet oħrajn biex tara li dawn is-servizzi speċjalizzati jkunu jistgħu jitwasslu u b’hekk ir-riżorsi jilħqu aktar persuni b’diżabilità b’ħidmiet konġunti u servizzi ħolistiċi.

Min-naħa tiegħu, Bjorn Formosa, fundatur ta’ ALS Malta, irringrazzja lill-Gvern għall-għajnuna li jingħata biex ikun jista’ jipprovdi servizz mill-aqwa mill-faċilitajiet li għandha Dar Bjron filwaqt li jħares ’il quddiem biex ikompli jindirizza l-problemi ta’ persuni milqutin minn ċirkostanzi bħalma hija l-ALS.

Ekonomija

Sport