Saturday, March 1, 2025

Ftehim dwar kodiċi tal-bini u l-kostruzzjoni li jġib flimkien l-imsieħba ewlenin fis-settur

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet fil-binja tal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, ħabbar ftehim li se jġib flimkien l-imsieħba ewlenin fis-settur tal-kostruzzjoni biex b’impenn jaħdmu fuq l-implimentazzjoni ta’ Kodiċi Nazzjonali dwar il-bini u l-kostruzzjoni.

“Dan il-ftehim li għadu kif ġie ffirmat jenfasizza impenn kollettiv biex jiġi żviluppat u implimentat dan il-kodiċi b’termini ċari, fejn il-prijorità immedjata se jkunu r-regolamenti li jikkonċernaw l-istrutturi, is-sigurtà, u l-prevenzjoni tan-nirien,” qal il-Ministru Attard filwaqt li faħħar id-djalogu b’saħħtu li hemm bejn il-Gvern, l-awtoritajiet u l-istakeholders fis-settur.

Filwaqt li rrefera għall-fatt li dan is-settur għal żmien twil tħalla vulnerabbli għal bosta sfidi, semma li sfortunatament kellek inċidenti li ħallew impatt kbir fuq is-soċjetà tagħna u l-mod kif inħarsu lejn is-settur tal-kostruzzjoni. Hawn il-Ministru Attard semma fost l-oħrajn il-mewta traġika ta’ Miriam Pace, li seħħet bħal dan iż-żmien 5 snin ilu u anke l-inkjesta marbuta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, li rrakkomandat dan il-pass li qiegħed jittieħed tal-kodiċi.

Bi ftehim mal-Awtorità dwar il-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA), il-Kamra tal-Periti (KTP) se tkun l-imsieħba prinċipali li tabbozza l-Kodiċi tal-Bini u l-Kostruzzjoni. F’intervent li għamel il-President tal-Kamra tal-Periti, il-Perit Andrè Pizzuto, qal kif jinsab sodisfatt li l-KTP se tkun parti integrali minn dan il-proċess li se jagħti xejra oħra lill-industrija tal-kostruzzjoni f’pajjiżna.

Il-Perit Pizzuto rringrazzja wkoll lill-Ministeru għal-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni għar-relazzjoni kostruttiva u pożittiva mal-Kamra tal-Periti, li permezz ta’ laqgħat u diskussjonijiet kontinwi, mhux biss għamlu d-differenza biex ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika jiġu attwati fl-iqsar żmien possibbli, iżda wkoll mingħajr għaġla għamja li taf twassal għall-iżbalji.

L-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ffirmat ukoll ftehimiet mal-Assoċjazzjoni tal-Bennejja u l-Kuntratturi (ABK), il-Malta Excavation, Demolition and Recycling Association (MEDRA), il-Malta Developers’ Association (MDA), il-Kamra tal-Inġiniera (COE), l-Awtorità tal-Ippjannar (PA), il-Malta College of Arts, Sciences and Technology (MCAST), l-Università ta’ Malta (UoM), l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA), u d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili (CPD).

Dawn il-ftehimiet għandhom l-għan li permezz tagħhom kemm l-BCA u l-KTP jikkonsultaw b’mod dirett mal-entitajiet kollha sabiex huma wkoll ikunu parteċipi fid-diskussjonijiet biex jiġu abbozzati l-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-Perit Roderick Bonnici, qal li skont l-att li jwaqqaf il-BCA, l-istess Awtorità għandha l-obbligu li tistabbilixxi dawn il-kodiċi. Huwa spjega li l-Kodiċi marbuta mal-bini se jkunu qed jirriflettu kif irid ikun il-prodott finali, u ċioè l-binja, ġaladarba tkun lesta l-kostruzzjoni. Kompla jispjega li min-naħa l-oħra l-Kodiċi tal-Kostruzzjoni se jkunu qed jirriflettu l-proċess sabiex wieħed jasal għall-prodott finali, u ċioè l-binja lesta.

“Il-Kodiċi Nazzjonali tal-Bini u l-Kostruzzjoni se jkunu qed jikkumplimentaw il-ħafna xogħol li sar mill-BCA fl-aħħar snin, b’mod partikolari l-liċenzjar tal-bennejja u l-kuntratturi. L-ewwel liċenzji issa mistennija jibdew jimxu skont dawn il-kodiċi biex verament is-settur tal-kostruzzjoni f’pajjiżna jimxi ’l quddiem u jsir wieħed aktar professjonali u serji f’pari passu ma’ dak Ewropew,” temm jgħid il-Perit Roderick Bonnici.

Il-ftehimiet li jorbtu lill-partijiet għal 3 snin, se jara id-dħul fis-seħħ b’mod gradwali ta’ 17-il kodiċi tal-bini u 6 kodiċi tal-kostruzzjoni. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport