Wednesday, December 25, 2024

Ftehim ġdid biex tissaħħaħ il-komunità LGBTIQ+ f’Għawdex

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim soċjali bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza u l-għaqda LGBTI+ Gozo li se jwassal sabiex tissaħħaħ il-ħidma favur l-ugwaljanza fil-gżira Għawdxija. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Gvern se jkun qed isostni l-pedamenti li bniet l-organizzazzjoni tul dawn l-aħħar tmien snin hekk kif hija l-unika għaqda mhux governattiva LGBTIQ+ ġewwa Għawdex. Sa mit-twaqqif tagħha, l-għaqda wettqet xogħol siewi ħafna biex tiżdied il-kuxjenza u l-għarfien dwar il-komunità LGBTIQ, għaldaqstant b’dan l-investiment il-Gvern qed jgħin biex jassigura li l-komunità LGBTIQ f’Għawdex tingħata s-servizzi meħtieġa. Preżenti għal dan il-ftehim kien hemm il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri stqarr li wara l-progress li sar f’Għawdex tul l-aħħar snin fejn tidħol  il-komunità LGBTIQ+ fil-gżira Għawdxija, anki permezz tal-għaqda LGBTI+ Gozo li l-Gvern għen biex ikollha l-ewwel uffiċċju tagħha f’Għawdex, u ġiet organizzata wkoll l-ewwel pride march f’Għawdex, illum qed insaħħu din l-għajnuna permezz ta’ ftehim fejn il-Gvern se jkun qed jgħin lil din l-għaqda anki permezz tal-ħaddiema biex dawn is-servizzi jibqgħu jiżdiedu fil-gżira Għawdxija. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg  għall-ħidma tagħha f’dan il-qasam u qal li jħares ’il quddiem għal din is-sena fejn se jkun hemm aktar avvenimenti importanti anki f’Għawdex.

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalet kif għal dan il-ftehim ġew allokati €30,000 għal sena sabiex l-għaqda tingaġġa community worker bil-għan li l-komunità LGBTIQ f’Għawdex ikollha punt ta’ riferiment. “It-tisħiħ tal-ugwaljanza f’Għawdex huwa prinċipju li dan il-Gvern jemmen ħafna fih għaliex konxji wkoll li għad hemm sfidi li jridu jiġu indirizzati. Għalhekk il-viżibilità u l-ħolqien ta’ komunità ġewwa Għawdex stess hija kruċjali sabiex nibnu soċjetà aktar inklussiva. Din l-għajnuna hija parti minn katina ta’ inizjattivi li se joħolqu l-qofol tagħhom f’Settembru li ġej hekk kif Malta se tilqa’ l-Europride,” qalet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Catherine Camilleri, il-koordinatriċi ta’ LGBTI+ Gozo, qalet, “Aħna grati għall-appoġġ u s-sostenn kontinwu tal-Gvern, li jippermettilna nagħmlu differenza fil-ħajja tal-persuni LGBTI+ f’Għawdex. B’dan il-ftehim, se nkunu nistgħu ninvestu aktar fil-komunità tagħna u b’hekk inkomplu bl-isforzi tagħna biex nippromwovu aktar l-ugwaljanza u l-inklużjoni.”

Ekonomija

Sport