Permezz ta’ ftehim li ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, art li tinsab fi Triq il-Misraħ il-Barrieri, fl-Imsida, għaddiet għand l-Għaqda Sportiva Msida Saint Joseph Football Club b’ċens għal 45 sena.
Permezz tas-sussidju ta’ 95% offrut mill-gvern fuq l-akkwist ta’ artijiet biex jiġu konvertiti f’faċilitajiet sportivi, l-ammont totali ta’ kera li l-klabb se jħallas fis-sena huwa ta’ €620, minflok il-valur attwali ta’ €11,780. Il-ħlas tal-kera jitpoġġa fi ‘sports fund’ biex imbagħad il-flus jiġu utilizzati għal aktar investiment mill-ġdid fl-isport lokali.
B’hekk issa l-klabb qiegħed f’pożizzjoni biex jamministra din l-art u permezz tal-ftehim il-klabb issa għandu inċentiv ewlieni biex jinvesti f’faċilitajiet sportivi fis-sit u servizzi anċillari, fosthom, uffiċini amministrattivi għall-attività sportiva, gymnasiums, u sport clinics.
Dawn se jibbenefikaw minnhom it-tfal u ż-żgħażagħ għaliex il-faċilitajiet se jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom kemm il-Youth Nursery tal-klabb u fil-ħinijiet tal-iskola, bi ftehim, il-proprjetà tinfetaħ għall-użu tat-tfal tal-iskola.
Il-Ministru Clifton Grima qal li dan huwa ftehim ieħor li juri l-impenn tal-gvern biex jgħin lill-assoċjazzjonijiet u għaqdiet sportivi f’kull livell. “Il-pjan u l-viżjoni tagħna huma ċari, dak li nsaħħu s-settur sportiv biex inkomplu ngħollu l-livell tal-isport f’pajjiżna, anki fil-livell ta’ klabbs,” qal il-ministru. Huwa tkellem dwar id-diversi skemi ta’ għajnuna li qed jingħataw l-assoċjazzjonijiet u l-klabbs biex dawn isaħħu l-ħidma tagħhom fid-diversi dixxiplini sportivi rispettivi. “Il-ftehim tal-lum juri l-impenn tal-gvern li jkompli jwettaq il-wegħdiet sportivi elettorali tiegħu, inizjattivi li l-għan tagħhom huwa li l-klabbs u l-federazzjonijiet sportivi jkollhom l-għodda u l-faċilitajiet biex ikomplu jikbru,” qal il-ministru.
Matthew Pisani, f’isem SportMalta, qal li dan il-ftehim huwa konferma oħra tal-ħidma ta’ din l-entità biex is-settur sportiv jibqa’ miexi ’l quddiem anki fuq livell ta’ komunità. “Qed inkabbru l-ħidma tagħna biex iktar klabbs u assoċjazzjonijiet ikollhom faċilitajiet sportivi professjonali fejn jipprattikaw id-dixxiplina sportiva tagħhom, faċilitajiet li jkunu miftuħa wkoll għall-istudenti biex huma wkoll ikollhom spazju fil-belt jew raħal tagħhom għal attività sportiva u fiżika,” qal is-Sur Pisani.
Il-President ta’ Msida Saint Joseph Football Club Robert Farrugia qal li b’dan il-ftehim il-klabb issa jista’ jagħmel qabża ta’ kwalità kemm f’dawk li huma faċilitajiet kif ukoll biex il-klabb ikollu faċilitajiet moderni li se jkunu wkoll ta’ benefiċċju għall-komunità kollha kemm hi.