Wednesday, July 23, 2025

Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija Komunità Malta

Aqra wkoll

Il-ħaddiema tal-Aġenzija Komunità Malta bbenefikaw minn ftehim kollettiv ġdid li jsaħħaħ b’mod konkret il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom, jirrifletti l-valur tal-kontribut tagħhom u jġib miegħu drittijiet u kundizzjonijiet ġodda li qabel ma kinux jeżistu.

Il-ftehim il-ġdid jinkludi wkoll struttura ta’ salarji aġġornata li tirrifletti żieda reali fil-paga tal-impjegati f’diversi gradi. Dan huwa pass importanti biex il-ħaddiema jiġu kumpensati skont il-ħiliet, ir-responsabbiltajiet u l-kontribut tagħhom fis-servizz pubbliku. Ġiet ukoll introdotta sistema li tippremja l-impenn u l-eċċellenza fuq il-post tax-xogħol, u tħeġġeġ kultura ta’ motivazzjoni u riżultati konkreti.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-xogħol, Byron Camilleri spjega li “Dan il-ftehim mhux biss jirrifletti impenn lejn ġustizzja soċjali fuq il-post tax-xogħol, iżda juri wkoll viżjoni ċara għall-aġenzija u s-servizzi li toffri lill-pubbliku. Qed niżguraw li l-ħaddiema jingħataw l-għodod, ir-rikonoxximent u l-appoġġ li jixirqilhom. Dan anke fid-dawl li minn dawn il-ħaddiema qed jintalab aktar impenn sabiex iħaddmu l-emendi għal-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza li jinsabu quddiem il-Parlament.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Joseph Mizzi stqarr, “Dan il-ftehim jirrifletti l-impenn tagħna li nibnu ambjent tax-xogħol modern u ġust. Qed nagħtu valur lill-ħaddiema tagħna u nkunu ċerti li l-policies tagħna jimxu mal-ħin u mal-ħtiġijiet tal-familji.”

Is-Segretarju tal-General Workers’ Union tat-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi, Kendrick Bondin stqarr, “Il-GWU tinsab sodisfatta li dan il-ftehim mhux biss jissalvagwardja d-drittijiet tal-ħaddiema, iżda jkabbarhom b’mod sostenibbli. Din hija prova ta’ ftehim magħmul bl-ispirtu tad-djalogu u l-koperazzjoni.”   

Dan il-ftehim huwa riżultat ta’ ħidma konġunta u serja bejn l-Aġenzija Komunità Malta u l-General Workers’ Union – b’mira waħda: servizz pubbliku aktar b’saħħtu u ħaddiema li jħossuhom apprezzati u mħarsa.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport