Friday, June 6, 2025

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-Aġenzija Residenza Malta

Aqra wkoll

L-impjegati tal-Aġenzija Residenza Malta se jaraw titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji tagħhom. Dan permezz tat-tieni ftehim kollettiv li ġie ffirmat ilbieraħ bejn l-Aġenzija u l-General Workers’ Union. Dan il-ftehim ikopri l-perjodu 2025-2029. 

Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim li se jkun qiegħed joffri struttura aktar b’saħħitha flimkien ma’ benefiċċji ġodda għall-impjegati.

“Dan huwa t-tieni ftehim kollettiv li għamilna għall-ħaddiema tal-Aġenzija. Rajna li permezz tal-ewwel wieħed kien hawn tassew titjib għall-operat u għall-ħaddiema tagħna u l-benefiċċji għal din id-darba wkoll komplejna nsaħħuhom minħabba li l-ħaddiema komplew jagħtu l-kontribut u jaqdu d-dmirijiet tagħhom.”

“Rajna li jkun hemm aktar flessibilità u remote working għall-ħaddiema. Dan dejjem fl-isfond li l-operat jiġi l-ewwel sabiex il-produttività ta’ din l-Aġenzija ma tiqafx anzi nkomplu nsaħħuha,” qal is-Segretarju Bondin. 

Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm ukoll il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, li qal li “ninsabu sodisfatti li kemm permezz ta’ dan il-ftehim kif ukoll bi sħab mal-GWU qegħdin intejbu d-dinjità tal-ħaddiema, id-drittijiet u l-kundizzjonijiet tagħhom. Din hi waħda mill-aktar affarijiet b’saħħithom biex tassew ninvestu fil-ħaddiema. Finalment ħaddiem kuntent, jagħtik servizz aħjar,” tenna jgħid il-Ministru Camilleri. 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Residenza Malta Jonathan Cardona nnota kif b’dan il-ftehim tjiebu aktar il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema li tassew jixraqilhom għax-xogħol siewi li jagħmlu. Qal li bħala Aġenzija jħarsu ’l quddiem biex ikomplu jaħdmu u joħolqu l-ġid.

Minbarra s-Segretarju Bondin, il-ftehim kien iffirmat ukoll minn Brian Bonnici – Assistent Segretarju tat-Taqsima flimkien ma’ Gordon Cachia u Andrea Seychell bħala shop stewards. 

F’isem l-Aġenzija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Jonathan Cardona u s-Senior Human Resources Manager Claire Scicluna. Iffirma wkoll Thomas Woods, il-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

Preżenti kien hemm ukoll Joyce Cassar, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport