Friday, February 7, 2025

Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-AIM fi ħdan il-Malta Air Traffic Services

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar jiem il-General Workers Union iffirmat diversi ftehim kollettivi li wasslu biex il-ħaddiema tejbu l-kundizzjonijiet tagħhol u l-pagi tagħhom. Ftehim ġdid ieħor fis-sensiela huwa dak li ġie ffirmat din il-ġimgħa għall-AIM fi ħdan il-Malta Air Traffic Services.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ippreseda l-iffirmar tal-ftehim kollettiv ġdid flimkien mas-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union (GWU) u ċ-Chairman tal-Malta Air Traffic Services (MATS) George Borg Marks. Dan il-ftehim li jolqot il ħaddiema fid-dipartiment tal-AIM se jġib miegħu titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u fil-pakkett finanzjarju tagħhom.

F’kumment li ta wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim ġdid, il-Ministru Chris Bonett spjega li dan il-ftehim jirrikonoxxi d-dedikazzjoni tal-ħaddiema u l-importanza tal-operat tal-MATS. Bil-ftehim il-ħaddiema se jgawdu minn titjib sostanzjali kemm fil-paga tagħhom kif ukoll fil-kundizzjonijiet tax-xogħol.

Il-ministru qal li dan il-ftehim wasal ftit ġimgħat wara li kien iffirmat ftehim kollettiv ieħor fi ħdan il-MATS u dan huwa xhieda ċara tal-impenn tal-gvern li jkompli jinvesti fl-aqwa riżorsa tal-pajjiż, il-ħaddiema.

Huwa radd ħajr lit-team maniġerjali fi ħdan il-MATS, l-Industrial Relations Unit (IRU) fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, lill-AIM Union Committee u l-General Workers’ Union għall-appoġġ sħiħ tagħhom matul dan il proċess u li kienu fundamentali biex jintlaħaq dan il-ftehim importanti. 

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MATS, il-Perit Claude Mallia qal li dan il-ftehim ikompli jikkonferma l-fiduċja tal-kumpanija fil-ħaddiema tagħha li huma essenzjali sabiex il-miri ambizzjużi li għandna quddiemna jintlaħqu. 

Jurgen Azzopardi, ir-rappreżentant għat-taqsima Marittima u Avjazzjoni fi ħdan il-GWU, qal li bl-għeluq ta’ ftehim kollettiv ieħor fil-kumpanija MATS ħafna impjegati se jaraw titjib sostanzjali, arretrati u kundizzjonijiet aħjar. Huwa rringrazzja lil kull min kien involut f’dan il-proċess u awgura aktar ħidma flimkien.

Dan il-ftehim kollettiv huwa t-tielet wieħed tax-xorta tiegħu fl-aħħar sena għall-ħaddiema fi ħdan il-MATS, u jkompli jixhed il-ħidma tal-gvern biex is-settur tal-avjazzjoni jkompli jikber, u jibni fuq is-suċċessi li esperjenza f’dawn l-aħħar snin. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport