Tuesday, October 7, 2025

Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tal-MTA fi gradi maniġerjali 

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) fil-jiem li għaddew iffirmat fttehim kollettiv ġdid mal-General Workers’ Union (GWU) u l-Unjin tal-Impjegati tal-MTA. Il-ftehim li kien iffirmat fil-preżenza tad-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg se jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tal-impjieg għall-gradi maniġerjali tal-Awtorità.

Dan il-ftehim, li jkopri total ta’ 23 Manager u 20 Senior Manager u li se jibqa’ għaddej sal-31 ta’ Diċembru 2027, se jwassal għal żidiet sostanzjali fis-salarji u jistabbilixxi qafas robust ta’ allowances li jappoġġja aktar l-iżvilupp professjonali u personali tal-istaff maniġerjali. 

Il-ftehim jinkludi wkoll bonuses relatati mal-prestazzjoni, allowances maniġerjali li jiżdiedu b’mod kostanti kif ukoll allowances oħra ta’ riżorsi mmirati biex jappoġġjaw it-taħriġ u l-iżvilupp tal-karriera. Dan il-pakkett komprensiv jirrifletti l-impenn tal-MTA li tirrikonoxxi d-dedikazzjoni tat-tim maniġerjali tagħha filwaqt li tiżgura l-istabbilità u t-tkabbir fi ħdan l-organizzazzjoni. 

Fil-kummenti tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu Ian Borg sostna li “bit-titjib fil-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema u billi nipprovdulhom aktar stabbilità, qed ninvestu wkoll fil-futur tal-industrija tat-turiżmu ta’ Malta, li tibqa’ pedament ewlieni għall-ekonomija tagħna.” 

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Carlo Micallef esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim li stqarr li huwa riżultat tal-kollaborazzjoni u r-rikonoxximent reċiproku tar-rwol importanti li għandhom il-managers u s-senior managers tagħhom. “Dan huwa pass ċar lejn it-tisħiħ tar-riżorsi, il-ħiliet u l-ambjent tax-xogħol sabiex flimkien inkunu nistgħu nilqgħu għal sfidi ġodda u opportunitajiet fl-industrija tat-turiżmu b’aktar kunfidenza,” qal Micallef.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-GWU Riccarda Darmanin qalet li tixtieq tirringrazzja lil kull min ta sehmu fin-negozjati li mxew b’mod professjonali biex b’hekk intlaħaq ftehim dwar pakkett li hu denju għal dawn in nies professjonisti.  Irringrazzjat ukoll lir-rappreżentanta tal-ħaddiema, is-Sinjura Mary Rose Briffa u lill-membri għall-fiduċja li dejjem urew fil-GWU.

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport