Saturday, December 28, 2024

Ftehim Kollettiv ġdid għall-impjegati ta’ De La Rue Currency and Security Print Ltd.

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union għadha kif iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid li jkopri l-ħaddiema kollha ta’ De La Rue Currency and Security Print Ltd.

Dan il-ftehim hu riżultat ta’ xhur twal ta’ taħdidiet mal-management u mar-rappreżentanti tal-ħaddiema. Ftehim li jkompli joffri kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar lill-ħaddiema, stabbiltà u kontinwità, fi żmien li qed isir investiment fil-kumpanija.

David Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-General Workers’ Union ħa l-opportunita sabiex irodd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom b’lealtà lejn il-kumpanija u lejn il-GWU, sabiex jintlaħaq dan il-ftehim li għandu jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. 

Terry Zammit, Plant Manager De La Rue qal li japprezza x-xogħol tax-shop stewards u r-rappreżentanti tal-GWU, li fi kliemu jsejjaħ il-ħidma tagħhom bħala vokazzjoni bil-għan ewlieni ta’ ġid għall-kumpanija u fl-aħħar mill-aħħar għal kull ħaddiem fiha.

“Il-fatt li għalaqna ftehim kollettiv intens f’ħin relattivament qasir iwassal messaġġ importanti, stabbiltà u kontinwità.”

Il-ftehim ġie ffirmat minn David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima tal-GWU, Terry Zammit – Plant Manager, De La Rue, Elaine Mifsud Western – HR Business Partner, De La Rue flimkien max-shop stewards u r-rappreżentanti tal-GWU. Preżenti għall-iffirmar kien hemm is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja u d-Deputat Segretarju Ġenerali tal-GWU Kevin Camilleri.

Ekonomija

Sport