It-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni fi ħdan il-General Workers’ Union (GWU) iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid li jkopri l-ħaddiema kollha ta’ STMicroelectronics (Malta) Ltd. Ftehim li jkopri erba’ snin, li permezz tiegħu l-ħaddiema se jkomplu jgawdu minn kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar flimkien ma’ taħriġ, fi żmien li qed issir ħidma għal proġett ġdid, li se jkun jinkorpora apparat diġitali u robotiku ġdid favur teknoloġija awtomatizzata fl-industrija 4.0.
Is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union qal li: “Dan il-Ftehim huwa pass importanti ħafna li qed jagħti direzzjoni ġdida lill-ħaddiema, qed jagħmel emfasi fuq it-taħriġ u jistabilixxi lil din il-kumpanija bħala waħda mill-aħjar fostna. Din id-darba daħħalna klawsoli li jenfasizzaw it-taħriġ lill-ħaddiema li joffrulhom il-kompetenzi u l-abbiltajiet ġodda biex ikunu jistgħu jimlew il-vakanzi li se jinħolqu fl-impjant il-ġdid tal-kumpanija.”
David Darmanin, is-Segretarju tat-Taqsima Teknoloġija, Elettronika u Komunikazzjoni tal-General Workers’ Union ħa l-opportunita sabiex irodd ħajr lil dawk kollha li taw sehemhom b’lealtà lejn il-kumpanija u lejn il-GWU, sabiex jintlaħaq dan il-ftehim li għandu jkompli jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema. Fosthom irringrazzja lill-Kumitat kollu tad-dedikazzjoni u support u fuq kollox lill-ħaddiema membri li taw appoġġ assolut u vot b’maġġoranza assoluta.
“Huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija personali li wasalna għall-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. It-tielet u l-aħjar Ftehim Kollettiv li qed niffirma ma’ din il-kumpanija. Ftehim li jara titjieb fil-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, kif ukoll titjieb fil-pagi u fl-allowances. Għalija dan kollu huwa ta’ sodisfazzjon kbir.”
Laurent Filipozzi, General Manager, STMicroelectronics (Malta) Ltd. qal li huwa Ftehim importanti għall-futur tal-ħaddiema u l-kumpanija, hekk kif flimkien ma’ titjieb fil-kundizzjonijiet u s-salarji, dan il-Ftehim jinkludi wkoll taħriġ speċjalizzat biex ikomplu jinvestu fil-ħaddiema tagħhom. Jemmen li dan huwa ta’ importanza għall-kumpanija biex ikomplu jsaħħuha.
Muhittin Ugurludemir, Human Resources Director qal li: “Dan huwa mument speċjali għal STMicroelectronics (Malta) Ltd. mhux biss mill-perspettiva industrijali iżda anke għall-futur tal-pajjiż. Bħala waħda mill-ikbar kumpaniji f’Malta, għandna relazzjoni tajba ħafna mal-GWU, relazzjoni li se nkomplu ntejbuha. Dan il-Ftehim li ffirmajna għal erba’ snin jiffoka speċjalment fuq l-iżvilupp tal-ħaddiema tagħna fejn qed nassigurawlhom kontinwità.”
Żewġ rappreżentanti tal-ħaddiema, Charles Seracino u Jason Gatt stqarrew li wara l-ħidma kollha li saret u diversi taħdidiet li kellhom matul dawn l-aħħar xhur il-ħaddiema jinsabu ferħana ħafna li qed jiġi ffirmat dan il-Ftehim u jħarsu ‘l quddiem għal futur aħjar. Qalu li huwa ta’ importanza li sar negozjar ukoll fuq it-taħriġ li se jkunu qed jingħataw il-ħaddiema, proprju hekk kif qed iħarsu lejn trasformazzjoni kbira permezz tal-proġett il-ġdid. Proġett li jgħaqqad l-awtomazzjoni avvanzata, l-inġinerija preċiża u l-użu ta’ ħaddiema speċjalizzati li jwasslu għall-manifattura ta’ semikondutturi tal-għola kwalità.
Il-ftehim ġie ffirmat minn Josef Bugeja, Segretarju Ġenerali u David Darmanin, Segretarju tat-Taqsima – GWU, Laurent Filipozzi, General Manager, Muhittin Ugurludemir, Human Resources Director u Simon Bugeja, Equipment Engineering & Maintenance Manager – STMicroelectronics (Malta) Ltd., flimkien max-shop stewards tal-GWU Charles Seracino, Joseph Briffa, Jason Gatt, David Bugeja, Malcolm Said u Christian Glanville.