Thursday, January 23, 2025

Ftehim kollettiv ġdid għall-management tal-Malta Air Traffic Services

Aqra wkoll

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett ppreseda għall-iffirmar tal-ftehim kollettiv ġdid bejn il-Malta Air Traffic Services (MATS) u l-General Workers Union (GWU). Dan il-ftehim ġdid, għall-ħaddiema f’pożizzjonijiet maniġerjali, se jġib miegħu titjib fil-pakkett finanzjarju tagħhom biex jirrifletti aħjar x-xogħol u l-ħidma bir-reqqa li biha jmexxu din il-kumpanija. Dan il-ftehim, li se jkollu impatt pożittiv sinifikanti għal aktar minn 25 impjegat f’dawn il-pożizzjonijiet, wasal wara djalogu u diskussjoni estensiva mal-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom.

F’kummenti li ta wara l-iffirmar ta’ dan il-ftehim kollettiv ġdid, il-Ministru Chris Bonett saħaq li dan il-ftehim huwa essenzjali biex il-pożizzjonijiet maniġerjali fi ħdan il-Malta Air Traffic Services jibqgħu attraenti għal professjonisti filwaqt li jimmotivaw progress intern. Huwa wera l-apprezzament tiegħu lit-tim maniġerjali fi ħdan il-MATS, l-Industrial Relations Unit fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-GWU għall-appoġġ sħiħ tagħhom matul dan il-proċess li kien fundamentali biex jintlaħaq dan il-ftehim importanti. Il-Ministru Bonett tenna wkoll li dan il-ftehim huwa essenzjali biex il-MATS ikollha tim maniġerjali b’saħħtu.

“Dan il-ftehim kollettiv ikompli jixhed x’direzzjoni rridu nkomplu nieħdu fis-settur tal-avjazzjoni f’pajjiżna. Investiment kontinwu fil-ħaddiema li huma l-fulkru fis-settur biex jibqa’ ħaj u jkompli jikseb riżultati sbieħ għal Malta,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-MATS, il-Perit Claude Mallia rrimarka, “Dalwaqt ser jiġi varat proġett maġġuri; il-bini taċ-ċentru l-ġdid tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (MATCC) flimkien ma’ titjib radikali fis-sistemi tal-MATS. Dawn l-inizjattivi huma parti mil-proċess ta’ tiġdid biex jintlaħqu r-rekwiżiti imposti mill-Eurocontrol u EASA.”

Is-Segretarju tat-taqsima fi ħdan il-General Workers’ Union Riccarda Darmanin irringrazzjat lill-partijiet konċernati għas-sens ta’ rieda tajba li wrew waqt in-negozjati ta’ dan il-ftehim kollettiv u li b’hekk kienu konklużi għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport