Ġie ffirmat il-Ftehim Kollettiv għall-Managers u Senior Managers bejn it-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa u l-Aġenzija Residenza Malta. Ftehim li jibni fuq il-Ftehim Kollettiv li ġie ffirmat ftit tal-ġimgħat ilu li jkopri lill-ħaddiema l-oħrajn f’din l-Aġenzija.
Is-Segretarju tat-Taqsima GWU Gvern u Entitajiet Pubbliċi Kendrick Bondin esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-iffirmar ta’ dan il-Ftehim. Huwa qal li permezz ta’ dan il-Ftehim li jkopri lill-Managers u s-Senior Managers hemm pakkett finanzjarju ġust għall-pożizzjonijiet u dmirijiet tagħhom. Dan il-Ftehim ġie ffirmat mis-Segretarju Kendrick Bondin, kif ukoll minn Brian Bonnici – Assistent Segretarju tat-Taqsima flimkien ma’ Gordon Cachia bħala shop steward.
F’isem l-Aġenzija ffirmaw il-Kap Eżekuttiv Jonathan Cardona u l-Head of Unit – Corporate Services Monica Farrugia. Iffirma wkoll Thomas Woods, il-Kap tat-Taqsima tar-Relazzjonijiet Industrijali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.