Friday, January 17, 2025

Ftehim Kollettiv ġdid għall-Uffiċjali Pubbliċi fis-settur tal-Veterinarji Professjonisti

Aqra wkoll

It-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi fi ħdan il-General Workers’ Union iffirmat Ftehim Kollettiv ġdid mal-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali għall-uffiċjali pubbliċi fis-settur tal-Veterinarji Professjonisti. Il-ftehim, li jmur lura mill-1 ta’ Jannar 2024 jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar tax-xoghol tal-impjegati, u iktar opportunitajiet għal progress fil-karriera ta’ dawn il-professjonisti. Il-ftehim qed joffri żidiet sostanzjali f’allowances kif ukoll titjib f’diversi kundizzjonijiet, jippremja l-iżvilupp u t-taħriġ.

Ftehim iffirmat mis-Segretarju tat-Taqsima fi ħdan il-GWU Riccarda Darmanin flimkien mar-rappreżentant tal-ħaddiema, Dr Sergio Fiore, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru Sharlo Camilleri, id-Direttur Ġenerali Dr Marica Gatt, is-Segretarju Prinċipali Permanenti Joyce Cassar u d-Deputy Head (Industrial Relations Unit) Mario Grixti mill-People & Standards Division. Il-Ministru Anton Refalo, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja kienu preżenti għall-iffirmar.

Is-Segretarju tat-Taqsima Riccarda Darmanin rringrazzjat lill-partijiet konċernati għas-sens ta’ rieda tajba li wrew waqt in-negozjati u b’hekk kienu konklużi għas-sodisfazzjon taż-żewġ naħat. Hi raddet hajr ukoll lix-Shop Stewards Dr Sergio Fiore u Dr Vito Domenico Benvenga għax-xogħol tagħhom u lill-membri għas-support li jagħtu lill-General Workers’ Union.

Is-Segretarju Permanenti Sharlo Camilleri rringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fin-negozjati li saru f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u b’xewqa li jkomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet ta’ dawn il-Veterinarji.

Sport