Il-ħaddiema tal-kumpanija Medserv Regis se jkunu qed jibbenefikaw minn titjib fil-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom permezz ta’ Ftehim Kollettiv ġdid li ġie ffirmat bejn il-General Workers’ Union (GWU) u Medserv Regis.
“Dan il-Ftehim Kollettiv qed ikompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajba li dejjem kien hemm bejn il-GWU u Medserv Regis. Waqt in-negozjati bejnietna l-kumpanija fehmet l-importanza tal-ħaddiema, li se jkunu qegħdin igawdu minn żidiet sostanzjali fil-pagi tagħhom fost oħrajn. Hawnhekk toħroġ l-importanza li l-ħaddiema jkunu organizzati fi trejd unjin għall-aqwa kundizzjonijiet fuq il-post tax-xogħol,” qal is-Segretarju tat-Taqsima Metall u Kostruzzjoni Jesmond Marshall.
Għal dan il-Ftehim iffirmaw is-Segretarju tat-Taqsima Jesmond Marshall, l-Assistent Segretarju George Zahra u x-shop steward Aldo Caruana filwaqt li min-naħa ta’ Medserv Regis iffirmaw id-Direttur Oliver Bernard, il-General Manager (Malta) Simon Lanzon u r-Regional HR Manager – Mediterranean Region, Chantelle M Caruana.

