Tuesday, July 29, 2025

Ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti 

Qasam ewlieni fejn għad irid jintlaħaq ftehim huwa l-alkoħol, bi Franza u l-Olanda b’mod partikolari jfittxu eżenzjonijiet tariffarji għall-industriji rispettivi tagħhom tal-inbid u l-birra.

Aqra wkoll

L-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea qablu dwar ftehim kummerċjali b’tariffi ta’ 15% fuq l-esportazzjonijiet Ewropej lejn l-Amerka u b’hekk temmew tilwima ta’ xhur bejn tnejn mill-akbar imsieħba ekonomiċi tad-dinja. 

Wara negozjati deċiżivi bejn il-President Donald Trump u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen fl-Iskozja, it-tnejn qablu dwar tariffa tal-Istati Uniti fuq il-prodotti kollha tal-UE ta’ 15%.

Dik hija nofs ir-rata ta’ taxxa fuq l-importazzjoni ta’ 30% li Trump kien hedded li jimplimenta. Huwa qal li l-blokk ta’ 27 membru Ewropew se jiftaħ is-swieq tiegħu għall-esportaturi tal-Istati Uniti b’tariffi ta’ żero fil-mija fuq ċerti prodotti.

Von der Leyen ukoll faħħret il-ftehim, u qalet li se jġib stabbiltà għaż-żewġ naħat, li flimkien jirrappreżentaw kważi terz tal-kummerċ dinji.

Trump uża tariffi kontra sħab kummerċjali ewlenin tal-Istati Uniti fi sforz biex jirranġa l-ekonomija globali u jnaqqas id-defiċit kummerċjali Amerikan.

Minbarra l-UE, huwa laħaq ftehimiet tariffarji mar-Renju Unit, il-Ġappun, l-Indoneżja, il-Filippini u l-Vjetnam, għalkemm ma laħaqx l-għan tiegħu ta’ 90 ftehim f’90 jum.

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Ewropej Benjamin Haddad irreaġixxa għall-ftehim kmieni nhar it-Tnejn, fejn filwaqt li qal li l-ftehim kellu xi merti bħal eżenzjonijiet għal xi setturi kummerċjali ewlenin Franċiżi bħall-ispirti, iżda kien żbilanċjat.

Skont il-ministru Haddad, il-ftehim kummerċjali nnegozjat mill-Kummissjoni Ewropea mal-Istati Uniti se jġib stabbiltà temporanja lill-atturi ekonomiċi mhedda mill-eskalazzjoni tat-tariffi Amerikani, iżda huwa żbilanċjat.

Il-ftehim ta nhar il-Ħadd tħabbar wara taħditiet privati bejn Trump u Von der Leyen fil-korsa tal-golf tiegħu f’Turnberry f’South Ayrshire.

Donald Trump, li bħalisssa jinsab fuq żjara ta’ ħamest ijiem fl-Iskozja qal wara l-laqgħa qasira tagħhom li l-ftehim milħuq huwa tajjeb għal kulħadd u se jressaq liż-żewġ naħat eqreb lejn xulxin. Von der Leyen faħħret ukoll bħala “ftehim enormi”, wara “negozjati iebsa”.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha l-mandat li tinnegozja ftehimiet kummerċjali għall-blokk kollu iżda xorta teħtieġ l-approvazzjoni mill-istati membri tal-UE.

L-investiment matul it-tliet snin li ġejjin fil-gass naturali likwifikat Amerikan, żejt u fjuwils nukleari, qalet von der Leyen, se jgħin biex titnaqqas id-dipendenza Ewropea fuq is-sorsi tal-enerġija Russi.

Xi oġġetti mhux se jkunu milqutin minn xi tariffi, inklużi partijiet tal-inġenji tal-ajru u tal-ajruplani, ċerti kimiċi u xi prodotti agrikoli. Ftehim separat dwar is-semikondutturi jista’ jitħabbar dalwaqt.

Qasam ewlieni fejn għad irid jintlaħaq ftehim huwa l-alkoħol, bi Franza u l-Olanda b’mod partikolari jfittxu eżenzjonijiet tariffarji għall-industriji rispettivi tagħhom tal-inbid u l-birra.

Iżda tariffa Amerikana ta’ 50% li Trump impona fuq l-azzar u l-aluminju globalment se tibqa’ fis-seħħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport