Sunday, December 22, 2024

Ftehim li jattiva investimenti b’valur ta’ €86 miljun fl-ekonomija… biex titjieb il-kompetittività ta’ negozji żgħar u medji

Aqra wkoll

Il-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), wara proċess tal-għażla, iffirma ftehim ta’ €30 miljun mal-Bank of Valletta biex dan jappoġġja negozji żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) bħala l-ewwel fażi ta’ faċilità konġunta biex tistimula l-kompetittività tal-SMEs f’Malta. Il-fondi l-ġodda huma mistennija li jikkontribwixxu biex jattivaw investimenti ta’ €60 miljun fl-ekonomija, li jipprovdu aktar minn 140 negozju b’aċċess għal kundizzjonijiet ta’ finanzjament favorevoli, li huma mfassla għall-bżonnijiet tagħhom. Is-sħubija tħabbret f’Malta mill-Viċi President tal-BEI Kyriacos Kakouris, u l-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta Kenneth Farrugia waqt attività ta’ tnedija preseduta mis-Segretarju Permanenti Jonathan Vassallo mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (Fondi tal-UE, Ugwaljanza, Riformi u Djalogu Soċjali). Preżenti għal dan l-iffirmar kien hemm ukoll il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana.

Din l-inizjattiva taqa’ taħt l-umbrella tal-Kompartiment tal-Istat Membru InvestEU f’Malta, li qed jalloka parti mill-garanzija baġitarja tal-UE tiegħu, li tammonta għal €10.5 miljuni mir-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) ta’ Malta, kif ukoll mill-baġit nazzjonali, u kontribuzzjoni ta’ €19.5 miljuni mill-FEI biex il-Bank of Valletta jkun jista’ jsaħħaħ il-kompetittività tan-negozji Maltin filwaqt li permezz ta’ dan l-istrument, jitrawwem tkabbir ekonomiku u reżiljenza ekonomika.

Il-Garanzija għal-Kompetittività tal-SMEs tal-FEI se tippermetti lill-Bank of Valletta jiffaċilita l-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-SMEs għall-investiment. Din il-garanzija tippermetti termini ta’ self li kieku ma jkunux disponibbli, inklużi rati ta’ imgħax aktar baxxi, rekwiżiti ta’ kollateral imnaqqsa, u rekwiżiti ta’ ħlas parzjali mnaqqsa għal self ta’ investiment.

Is-Segretarju Permanenti Jonathan Vassallo irrimarka li “Illum, taħt il-programm InvestEU, qed inniedu fażi ġdida fil-kollaborazzjoni tagħna mal-istituzzjonijiet tal-UE. Il-Kompartiment tal-Istat Membru ta’ Malta ser ikompli jindirizza l-isfidi tal-finanzjament tal-SMEs, u immedjatament joħloq il-possibilità ta’ €60 miljun f’self biex jappoġġja t-tkabbir u l-kompetittività. Hekk kif inħarsu ’l quddiem, din is-sħubija se tibqa’ essenzjali biex jiġi żgurat li l-SMEs Maltin ikollhom l-appoġġ finanzjarju meħtieġ biex jirnexxu, jinnovaw, u jikkontribwixxu għall-ekonomiji lokali u Ewropej. B’kollaborazzjoni kontinwa, nistgħu niżguraw li l-SMEs tagħna jibqgħu reżiljenti, kompetittivi, u ppreparati għall-futur”.

Il-Viċi President tal-BEI Kyriacos Kakouris ikkummenta li, “L-appoġġ għall-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju huwa essenzjali biex nixprunaw l-innovazzjoni u l-kompetittività. Din is-sħubija mal-Gvern Malti u l-Bank of Valletta turi kif il-Grupp tal-BEI, permezz tal-FEI, jista’ jipprovdi prodotti finanzjarji mfassla apposta li jagħtu s-setgħa lill-intraprendituri biex iżidu l-operat tagħhom u joħolqu l-impjiegi, biex jiżguraw li Malta jkollha tkabbir ekonomiku fit-tul.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia tenna l-impenn tal-Bank li jkompli jappoġġja lill-SMEs lokali u lill-komunità kummerċjali usa’ f’Malta. “Ir-rwol tagħna bħala l-Bank ewlieni f’Malta jirrikjedi li nkunu wkoll imsieħba fin-negozju ma’ SMEs lokali. Grazzi għall-kollaborazzjoni kontinwa tagħna mal-Bank Ewropew tal-Investiment aħna kapaċi noffru iktar skemi ta’ self vantaġġużi li jtejbu l-firxa vasta tagħna ta’ prodotti. Bil-portafoll li qed nassiguraw illum, inkomplu nikkonfermaw mill-ġdid l-impenn tagħna lejn il-komunità tan-negozju lokali u li nkunu l-Bank tal-Għażla f’Malta għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju kollha.”

Ekonomija

Sport