Il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) iffirmat MoU (Memorandum of Understanding) mal-Malta Beekeepers’ Association (MBKA) sabiex l-MBKA ikunu jistgħu jrabbu n-naħal tal-għasel f’perjodu stabilit fis-sajf f’partijiet magħżula fir-Riservi tal-FKNK tal-Miżieb u l-Aħrax.
Fi stqarrija, l-FKNK qalet li fin-nixfa tas-sajf, in-naħal tal-għasel ftit li xejn isib abitat naturali fejn jaħdem, ħlief għax-xagħri fejn ikun qiegħed iwarrad is-sagħtar (Thymbra capitata). Għaldaqstant, bis-saħħa tal-MoU, il-MBKA se tkun tista tinqeda b’ċertu siti fir-Riservi tal-Miżieb u l-Aħrax għat-trobbija tan-naħal tal-għasel għall-produzzjoni tal-għasel lokali.
L-MBKA tappoġġja bi sħiħ proġetti ta’ riġenerazzjoni ambjentali bħalma qed isir f’dawn ir-riservi u tkattir ta’ siġar indiġeni b’mod partikolari is-sagħtar u s-siġar tal-ħarrub (Ceratonia siliqua) li huma żewġ pilastri fil-produzzjoni tal-għasel f’Malta.
L-FKNK qalet li dan l-MOU huwa parti minn diversi xogħolijiet oħra ta’ għarfien u konservazzjoni tal-ambjent naturali li l-FKNK qiegħda tagħmel flimkien ma’ Ambjent Malta, ERA u l-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar.
Għal l-okkażjoni tal-iffirmar kien hemm preżenti l-Ministru tal-Ambjent, Aaron Farrugia, filwaqt li tqassam għasel lokali lill-membri tal-pubbliku li regolarment jżuru u liberament igawdu r-Riservi matul il-ġimgħa kollha.