Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li ġie ffirmat ftehim mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) li permezz tiegħu se jiġi żviluppat programm ta’ taħriġ imfassal biex jipprovdi edukazzjoni, taħriġ fil-ħiliet, u appoġġ soċjali lil persuni li jieħdu ħsieb anzjani bid-dimensja, fosthom lill-qraba tagħhom. Dan il-programm ta’ taħriġ se jkun qed jingħata mingħajr ħlas.
Malta hija fost l-ewwel pajjiżi li ħasset il-ħtieġa li tibda timplimenta dan il-programm ta’ taħriġ.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha spjega kif studji lokali jistmaw li bħalissa f’Malta madwar 7,000 familja għandhom membri tagħha bid-dimensja, u dan in-numru huwa mistenni li jiżdied fis-snin li ġejjin.
Huwa qal li matul is-sena li għaddiet, tim ta’ esperti mid-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità ħadmu mill-qrib ma’ esperti tal-WHO biex jadattaw programm online ta’ edukazzjoni għall-kuntest u s-sitwazzjoni Maltija. Fil-ġranet li għaddew, għaldaqstant, ġie ffirmat ftehim mal-WHO biex jiġi żviluppat iSupport għall-carers f’Malta.
Il-Ministru Michael Farrugia spjega li l-benefiċċju ta’ dan il-programm huwa li huwa dejjem disponibbli, konvenjenti, jippreserva l-privatezza u hu mfassal aktar għall-kapaċitajiet tal-persuna.
Għaldaqstant, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) laqqgħet bord ta’ esperti internazzjonali biex jiżviluppaw ‘iSupport’, programm edukattiv online li bħalissa huwa disponibbli fuq is-sit – www.activeageing.gov.mt.
Il-Ministru Michael Farrugia qal li l-programm iSupport għandu l-għan li jipprevjeni u/jew inaqqas l-isfidi ta’ saħħa mentali u fiżiċi assoċjati mal-kura, u jtejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawk li jieħdu ħsieb lill-persuni bid-dimensja. Il-kors għandu ħames taqsimiet; introduzzjoni fuq id-dimensja, xi jfisser li tkun carer, kif tieħu ħsieb tiegħek innifsek, il-kura ta’ kuljum, u bidliet fl-imġieba.
Il-lezzjonijiet jikkonsistu f’qari qasir, eżempji deskrittivi u diversi eżerċizzji. Il-parteċipanti jingħataw ċertifikat fi tmiem il-kors. Il-kontenut oriġinali tal-verżjoni bl-Ingliż tal-iSupport ġie adattat għall-kuntest u l-ħtiġijiet tal-Maltin. Verżjoni bil-Malti se tkun offruta ukoll online fix-xhur li ġejjin.