Tuesday, December 24, 2024

Ftehim soċjali mal-Fondazzjoni Richmond ta’ aktar minn €900,000

Aqra wkoll

IlMinisteru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim eżistenti mal-Fondazzjoni Richmond li se jlaħħaq id-€913,140 fuq medda ta’ tliet snin. Dan l-ammont ikopri żewġ ftehimiet separati, fejn ftehim minnhom jinkorpora skema ta’ appoġġ ta’ housing u l-ieħor se jkun qed jassisti finanzjarjament fit-tmexxija ta’ Villa Chelsea.

Dawn id-dettalji tħabbru waqt konferenza tal-aħbarijiet minn Dr Lydia Abela flimkien mal-Ministru Michael Falzon.

L-ewwel ftehim ta’ €111,600 se jmur għal skema ta’ appoġġ għal 31 appartament, li fihom joqogħdu 67 persuna. Hawnhekk jingħataw servizzi lil persuni bi problemi ta’ saħħa mentali. Jingħata wkoll appoġġ fiżiku, psiko-soċjali u soċjo-legali, fost oħrajn.

It-tieni ftehim jinkorpora t-tmexxija ta’ Villa Chelsea. Hawnhekk il-Fondazzjoni Richmond tagħti servizz ta’ appoġġ psikoloġiku 24 siegħa kuljum. L-għan huwa li kull persuna tasal f’punt li tintegra lura fil-komunità. Il-ministeru se jkun qed jalloka €801,540 għall-perjodu ta’ dan il-ftehim.

Dr Lydia Abela ddeskriviet dawn il-ftehimiet bħala parti minn kullana ta’ proġetti li jkomplu jitfgħu dawl fuq l-isforzi li qed nagħmlu bħala pajjiż biex nagħrfu l-importanza li kull persuna tieħu ħsieb is-saħħa mentali tagħha.

“Irridu nkunu aħna stess bħala individwi li b’għemilna naraw li min jaqa’ lura fis-soċjetà nerġgħu nagħtuh id-dinjità li  jixraqlu. Dawn il-ftehimiet tal-lum huma għodda oħra li se jikkontribwixxu lejn dawn l-isforzi sabiex verament inkunu qegħdin nindirizzaw dawn il-ħtiġijiet u nżommu s-saħħa mentali fuq l-aġenda nazzjonali b’mod ħaj u effettiv, u li bihom nibqgħu nħossu l-polz tal-poplu,” stqarret Dr Lydia Abela.

“Tul dawn il-ħames snin, dan il-gvern għamel revoluzzjoni f’dan il-qasam, li qabel l-2013 qas biss kien hawn għarfien dwaru. Xhieda ta’ dan l-impenn hija ż-żieda qawwija li kien hemm fl-għadd ta’ ftehim bi sħubija ma’ għaqdiet volontarji li l-ministeru daħal għalihom f’dawn l-aħħar seba’ snin.  Fl-2013 kien hemm biss tliet ftehim ta’ din ix-xorta b’nefqa ta’ anqas minn miljun ewro. Din is-sena l-għadd ta’ ftehim tela’ għal ħamsin bi stima ta’ nefqa ta’ 18-il miljun ewro,” temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport