Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ppressjeda l-iffirmar ta’ ftehim settorjali ġdid mal-UĦM, li jirrikonoxxi uffiċjalment il-Klassi Agrikola fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Dan il-ftehim jirrappreżenta pass storiku sabiex jimtela l-vojt li kien jeżisti, u huwa prova ċara tal-impenn tal-Gvern biex jagħti l-valur mistħoqq lil dawk kollha li ddedikaw ħajjithom u l-karriera tagħhom għall-iżvilupp tas-settur agrikolu.
Il-ftehim jistabbilixxi l-pedamenti għal ġenerazzjoni ġdida ta’ professjonisti fis-settur, b’ħolqien ta’ grad professjonali ġdid. Dan se jipprovdi karriera ċara, sodisfaċenti u fit-tul għal individwi b’passjoni u ħiliet fl-agrikoltura, settur li għandu rwol ċentrali f’soċjetà sostenibbli.
“Illum qegħdin nagħtu rikonoxximent formali u mistħoqq lill-ħaddiema li huma essenzjali għall-ġejjieni tal-katina tal-ikel, għall-wirt agrikolu tagħna, u għall-ekonomija rurali tal-gżejjer tagħna,” sostna l-Ministru Refalo.
L-impjegati fil-Klassi Agrikola għandhom responsabbiltajiet estensivi, li jinkludu t-tfassil ta’ strateġiji, il-monitoraġġ tal-konformità mal-istandards lokali u Ewropej, jagħtu pariri tekniċi lill-bdiewa, u t-tmexxija ta’ inizjattivi ta’ riċerka u innovazzjoni.
Fost il-miżuri prinċipali li ġie miftiehem dwarhom hemm titjib sostanzjali fis-salarji fil-gradi kollha, flimkien ma’ inċentivi għat-tkabbir professjonali. Dan jinkoraġġixxi żvilupp kontinwu tal-ħiliet u jagħmel is-settur aktar attraenti għal żgħażagħ u individwi b’talenti li jridu jibnu karriera fis-settur pubbliku.
“Dan mhux biss ftehim dwar kundizzjonijiet ta’ xogħol, imma sinjal ċar li l-Gvern jemmen li l-biedja u r-riżorsi umani tagħha għandhom rwol fundamentali fil-ħolqien ta’ sistema tal-ikel reżiljenti u sostenibbli,” tenna l-Ministru Refalo, filwaqt li rringrazzja lill-UĦM għall-impenn u d-djalogu kostruttiv tagħhom matul in-negozjati, kif ukoll lill-Industrial Relations Unit fi ħdan il-People and Standards Division għall-appoġġ tagħhom.
“Il-ftehim tal-lum huwa aktar minn dokument, huwa simbolu ta’ bidla, ta’ ġustizzja, u ta’ ġejjieni fejn l-agrikoltura Għawdxija u Maltija tibqa’ mhux biss ħajja, imma tiffjorixxi,” temm jgħid il-Ministru Refalo.