Il-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat flimkien mal-Aġenzija Sapport iffirmat ftehim ġdid ma’ Embrace Diversity Organisation li permezz tiegħu ser jiġi investit €1.5 miljun fuq perjodu ta’ tliet snin sabiex jissaħħu servizzi ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità. Dan il-ftehim jirrappreżenta żieda ta’ 131% meta mqabbel mal-ftehim preċedenti.
Żaret waħda mis-sessjonijiet li kienu għaddejjin, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat Julia Farrugia, flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Oliver Scicluna.
Il-ftehim jippermetti lill-għaqda volontarja Embrace Diversity Malta toffri servizzi ta’ matul il-jum mingħajr ħlas lil persuni b’diżabilità, b’enfasi fuq tfal u żgħażagħ li għandhom diżabilitajiet kumplessi u li jistgħu jkollhom ukoll bżonnijiet mediċi.
Permezz ta’ dan il-ftehim, Embrace Diversity ser tipprovdi żewġ programmi ta’ matul il-jum immexxija minn ħaddiema mħarrġa u kompetenti fil-qasam. Il-programmi jistgħu jilqgħu sa massimu ta’ 60 persuna b’diżabilità fil-ġimgħa, bejn l-etajiet ta’ 3 snin u 22 sena. Il-programmi ser ikunu offruti filgħodu, wara nofsinhar, kif ukoll nhar ta’ Sibt, biex joffru aktar flessibbiltà skont il-ħtiġijiet individwali tal-parteċipanti.
L-attivitajiet se jinkludu interventi u sessjonijiet li jiffokaw fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet bħal gross motor skills, fine motor skills u ħiliet sensorjali relatati max-xamm u t-togħma, il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-komunikazzjoni, il-valur tal-ħidma f’tim u t-tisħiħ tal-ħiliet ta’ għajxien indipendenti. Dan filwaqt li jiġi offrut spazju sigur għal soċjalizzazzjoni u attivitajiet varji.
L-attivitajiet u l-interventi kollha huma żviluppati minn terapisti kwalifikati u mwassla minn staff imħarreġ.
Persuni b’diżabilità jiġu riferuti għal dawn is-servizzi minn professjonisti ta’ Aġenzija Sapport. Wara r-referenza, isir assessjar mill-Aġenzija u mill-fornitur tas-servizz sabiex jiġi determinat jekk il-persuna hijiex eliġibbli.
Kull parteċipant ser ikollu pjan personalizzat ibbażat fuq il-bżonnijiet individwali tiegħu. Dan il-pjan jiġi implimentat mill-organizzazzjoni Embrace Diversity u rivedut regolarment minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti flimkien mal-klijent.
Il-Ministru Julia Farrugia spjegat kif “dan il-ftehim huwa prova ċara tal-impenn tal-Gvern li nibqgħu ninvestu f’servizzi li jagħmlu differenza reali fil-ħajja ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Permezz ta’ dan l-investiment qed inkomplu nibnu soċjetà aktar inklussiva, fejn kull persuna, irrispettivament mill-kundizzjoni tagħha, tingħata l-opportunità tiżviluppa l-potenzjal tagħha u tipparteċipa b’mod sħiħ fil-komunità. L-imsieħba tagħna mas-settur volontarju, bħalma hija Embrace Diversity, huma kruċjali biex naslu b’servizzi aktar speċjalizzati u viċin in-nies, u għalhekk il-Gvern ser jibqa’ jsaħħaħ dawn il-kollaborazzjonijiet biex ħadd ma jitħalla lura,” temmet tgħid il-Ministru.
Aġenzija Sapport ser tkompli wkoll twettaq monitoraġġ regolari sabiex tassigura li s-servizzi qed jingħataw skont l-ftehim stabbilit. Min-naħa tagħha, l-organizzazzjoni Embrace hija responsabbli wkoll mill-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-faċilitajiet sabiex jiġi żgurat ambjent adegwat, aċċessibbli u sigur għall-klijenti kollha.
Dan il-ftehim jassigura li s-servizzi jiġu offruti f’konformità mal-liġijiet rilevanti u mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Min-naħa tiegħu, Oliver Scicluna, enfasizza l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn Embrace Diversity u Aġenzija Sapport bħala eżempju ċar kif il-ħidma konġunta bejn l-entitajiet hi neċessarja sabiex il-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom jistgħu jibbeneifkaw minn servizzi ħolistiċi u speċjalizzati.
Huwa kompla billi qal kif dan il-programm jikkumplimenta b’mod sħiħ servizzi oħra mogħtija mill-Aġenzija. Permezz ta’ dawn il-kollaborazzjonijiet jinħoloq allinjament effettiv bejn l-entitajiet, jiġu indirizzati bżonnijiet diversi mingħajr duplikazzjoni, u jiġi żgurat użu effiċjenti tar-riżorsi sabiex jintlaħqu l-aħjar riżultati għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.

