Friday, March 20, 2026

Ftehim ta’ kollaborazzjoni bejn Servizzi Ewropej f’Malta u l-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja

Aqra wkoll

Servizzi Ewropej f’Malta u l-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familji ffirmaw Ftehim ta’ Kollaborazzjoni bil-għan li jissaħħaħ l-appoġġ mogħti lin-negozji tal-familja f’Malta, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għal fondi Ewropej u għall-informazzjoni dwar il-politikital-Unjoni Ewropea.

L-iffirmar tal-ftehim kien ippresjedut mill-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi.

Permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ entitajiet se jkabbru l-koperazzjoni bejniethom sabiex in-negozji tal-familja jkollhom gwida aktar ċara u aċċessibbli dwar l-opportunitajiet li toffri l-UE. Dan jinkludi kemm skemi ta’ finanzjament kif ukoll informazzjoni relatata mal-politiki Ewropej li jistgħu jħallu impatt dirett fuq in-negozji Maltin.

Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, qal “Dan il-ftehim jirrappreżenta opportunità importanti biex inkomplu nsaħħu l-appoġġ lejn in-negozji tal-familja f’Malta, li jkomplu jkunu pilastru ewlieni fl-ekonomija tagħna. Permezz ta’ dan il-ftehim, qed niżguraw li dawn in-negozji jkollhom aċċess ċar u effettiv għall-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari għall-fondi Ewropej, kif ukoll għall-informazzjoni dwar policies u regolamenti li jolqtuhom direttament.”

Rodrick Zerafa, Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, qal li din il-kooperazzjoni se tippermetti li n-negozji tal-familja jkollhom gwida aktar prattika u diretta dwar l-opportunitajiet ta’ fondi Ewropej u l politiki tal-UE li jolqtuhom. Barra minn hekk, din is-sħubija se tgħin lill-uffiċjali ta’ Servizzi Ewropej f’Malta jifhmu aħjar il-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji tal-familja, sabiex ikomplu joffru servizz aktar effettiv u relevanti.

Ir-Regolatur tal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja, Dr Joseph Gerada, spjega kif dan il-ftehim isaħħaħ lin-negozji tal-familja billi jgħinhom jieħdu vantaġġ aħjar mill-opportunitajiet li toffri l-UE, b’mod partikolari l-fondi Ewropej. Huwa stqarr li dan il-ftehim huwa pass importanti biex tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tan-negozji tal-familja f’Malta.

Permezz ta’ dan il-ftehim, Servizzi Ewropej f’Malta se jipprovdu taħriġ lill-impjegati tal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja dwar opportunitajiet ta’ fondi Ewropej għan-negozji. Dan it-taħriġ ser isaħħaħ il-kapaċità tal-Uffiċċju tan-Negozju tal-Familja biex jassisti aħjar lin-negozji tal-familja li jkunu qed ifittxu li jespandu, jinvestu jew jiżviluppaw aktar l-operat tagħhom.

Aspett importanti ieħor ta’ dan il-ftehim huwa l-kollaborazzjoni dwar il-politiki tal-UE. L-għan hu li tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-negozji tal-familja fit-tfassil tal-politika Ewropea, b’mod speċjali dak li jolqot direttament lin-negozji Maltin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport