Friday, December 13, 2024

Ftehim ta’ rilokazzjoni għal żewġ kumpaniji li se jwitti t-triq għall-proġett tat-trakka tal-karozzi

Aqra wkoll

Ġie ffirmat ftehim ma’ żewġ kumpaniji, Attrans u White Brothers, li permezz tiegħu dawn iż-żewġ kumpaniji se jiġu rilokati f’parti oħra ta’ din l-istess żona industrijali ta’ Ħal Far. Dan sabiex l-art li kienu qed jokkupaw tkun tista’ tintuża għall-proġett tat-trakka.

Il-ftehim sar fil-preżenza tal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri, li tenna l-impenn tal-gvern li jwettaq wegħda tal-manifest elettorali, dik li tinbena trakka tal-karozzi.

“Hija wegħda li tirrikjedi ħafna xogħol u l-pass tal-lum huwa xhieda ċara tal-impenn tal-gvern li x-xogħol qiegħed isir sabiex din il-wegħda titwettaq. Nirringrazzja liż-żewġ kumpaniji Attrans Ltd u White Brothers Ltd tal-kooperazzjoni li sibna minn għandhom sabiex jiċċaqalqu mill-art għal parti oħra fil-viċinanzi. Dawn huma żewġ kumpaniji li t-tnejn li huma joperaw fil-qasam tat-trasport u l-loġistika, u għaldaqstant kien importanti ferm għalihom li l-art fejn jiġu rilokati tkun f’din l-istess żona,” spjega l-Ministru Schembri.

“Saret ħidma biex jinstab sit alternattiv. Ir-rilokazzjoni hija art mifruxa fuq medda ta’ 27,000 metru kwadru li llum il-ġurnata nistgħu nużaw wara li tlestew għadd ta’ toroq ġodda f’din iż-żona industrijali li jagħtu aċċess għal artijiet li qabel ma setgħux jintlaħqu,” qal il-Ministru Schembri.

Il-Ministru Schembri spjega kif dawn it-toroq kienu parti minn proġett ikbar fil-qafas tal-programm għall-iżvilupp tal-infrastruttura industrijali f’pajjiżna, b’investiment ta’ €470 miljun li minnhom €30 miljun kienu allokati għall-iżvilupp ta’ toroq fiż-żoni industrijali ta’ Ħal Far, Bulebel, il-Marsa, Kordin u San Ġwann.

“Indis Malta se tkun qed tgħin lil dawn il-kumpanija fil-proċess ta’ rilokazzjoni tagħhom, b’appoġġ kemm tekniku kif ukoll finanzjarju, sabiex b’hekk niffaċilitaw kemm jista’ jkun il-proċess u noħolqu l-inqas inkonvenjent possibbli għal dawn il-kumpaniji,” qal il-Ministru Schembri.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali għal Motorsport Jonathan Bruno laqa’ dan il-pass li se jwitti t-triq għall-bidu tax-xogħlijiet fuq it-trakka.

Ekonomija

Sport