Wednesday, January 28, 2026

FTEHIMI KOLLETTIVI LI SAĦĦEW AKTAR IL-QAGĦDA TAL-ĦADDIEMA

Aqra wkoll

Il-General Workers’ Union tellgħet il-Kungress Nazzjonali tagħha l-ġimgħa li għaddiet li fih inħatret l-amministrazzjoni ċentrali filwaqt li kien hemm ħatriet oħra ta Segretarji ta ‘ xi Taqsimiet. Dan il-proċess ta’ tiġdid kien meqjus bħala wieħed importanti u kruċjali biex il-GWU tibqa’ miexja ’l quddiem u tkompli bil-ħidma fejjieda tagħha b’risq il-ħaddiema Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom. 

Minn dan il-Kungress ħareġ ukoll bl-aktar mod ċar il-ħidma mwettqa mid-diversi Taqsimiet li jsawru l-union. Ħidma li ssarrfet fil-konklużjoni ta diversi Ftehimi Kollettivi u Settorjali li ġew iffirmati fl-aħħar snin li wasslu biex il-ħaddiema gawdew minn miljuni ta’ ewro żidiet fil-pagi u benefiċċji finanzjarji oħra. Minbarra dawn, fl-istess ftehimiet idaħħlu klawsoli ġodda bilgħan li titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-ħaddiema, b’miżuri “family friendly”.

Din il-ħidma kienet innutata wkoll mill-Prim Ministru nnifsu, Dr Robert Abela, li semma kif is-sena li għaddiet ġew iffirmati 41 ftehim għall-ħaddiema tas-Servizz u s-Settur Pubbliku u 25 minnhom ġew issiġillati proprju mal-GWU. 

F’dan il-kuntest, huwa xieraq ninnutaw li matul is-snin, il-qagħda tal-ħaddiema tjiebet konsistentement u dan seħħ għaliex f’pajjiżna kellna forzi progressivi, bħalma huma għaqdiet trejdunjonistiċi fosthom il-GWU. Fl-istess kuntest, il-Gvern se jibqa’ impenjat li jassisti lill-ħaddiema u jagħti s-sostenn li hemm bżonn, b’mod speċjali lil dawk li jifilħu l-inqas.

Dawn il-prinċipji jistgħu jitħaddmu fil-prattika u jintlaħqu għaliex pajjiżna bena ekonomija b’saħħitha tant li tista’ tiggarantixxi li dan il-progress soċjali jitkompla u jilħaq lill-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Huwa minnu wkoll li r-realtajiet jinbidlu u llum qed jinbidlu b’passi aktar mgħaġġla, għalhekk il-bżonn li l-ħaddiema jibqgħu jingħataw aktar opportunitajiet biex itejbu il-ħiliet huwa mhux biss kruċjali imma essenzjali. Dan jibqa’ meħtieġ f’dinja ġdida tax-xogħol li kontinwament qiegħda tittrasforma ruħha u tibdel il-fiżjonomija tagħha. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport