Saturday, December 21, 2024

Ftit aktar minn 407,400 passiġġier vjaġġaw mill-MIA f’Awwissu ta’ din is-sena

Aqra wkoll

F’Awwissu għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta 407,435 passiġġier, jiġifieri kważi nofs it-traffiku li kien irreġistrat mill-ajruport fl-istess xahar fl-2019.

Ir-riżultat tat-traffiku ta’ Awwissu li għadda kien influwenzat mill-prestazzjoni b’saħħitha ta’ ċerti swieq, inklużi Franza u l-Polonja, hekk kif l-istaġun tal-vaganzi laħaq il-quċċata tiegħu. Fil-fatt, is-seat load factors (SLF) għal Awwissu fuq għadd ta’ rotot bejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u s-suq Franċiż u dak Pollakk kienu inkoraġġanti ferm, hekk kif qabżu t-80%.

Ħarsa lejn l-istampa usa’ turi li matul ix-xahar ta’ Awwissu kull titjira operata mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġarret medja ta’ 111-il passiġġier, jiġifieri 28% anqas mill-medja għal Awwissu 2019 ta’ 155 passiġġier.

Matul Awwissu, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kompla jara lis-suq Ingliż jirkupra b’pass aktar mgħaġġel milli previst. Ir-Renju Unit, fil-fatt, irreġistra 99,881 moviment tal-passiġġieri u b’hekk qabeż lill-Italja sabiex ikklassifika fl-ewwel post fost l-aqwa swieq tal-ajruport, wara li kien ilu ma jidher f’din il-pożizzjoni minn April 2020.

Għalkemm ir-riżultati tat-traffiku ta’ Awwissu kienu aħjar milli mistennijin, l-industrija tal-ivvjaġġar għadha kkundizzjonata minn rekwiżiti għall-ivvjaġġar li qegħdin ikomplu jinbidlu, inċertezza u ppjanar għal żmien qasir, hekk kif issa qiegħda tipprepara għall-istaġun tax-xitwa. L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħalissa qiegħed jaħdem mal-linji tal-ajru sħab tiegħu sabiex jiffinalizza skeda ta’ titjiriet għall-istaġun li jmiss.

Ekonomija

Sport