Saturday, December 21, 2024

Ftit aktar minn miljun passiġġieri għaddew mill-MIA fl-ewwel nofs tas-sena

Aqra wkoll

Tnaqqis ta’ 68.7% fil-movimenti tal-passiġġieri fl-ewwel nofs tal-2020

3,348 passiġġier vjaġġaw minn u lejn Malta fuq titjiriet umanitarji f’Ġunju

L-iskeda tas-sajf tal-ajruport issa toffri titjiriet diretti lejn 49 ajruport

Ħarsa lejn l-ewwel nofs tal-2020 turi li t-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laħħaq il-1,017,850 moviment tal-passiġġieri. Dan isarraf fi tnaqqis ta’ 68.7% fin-numru ta’ passiġġieri li għaddew mill-ajruport fl-ewwel nofs ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.

Is-sena bdiet fuq nota pożittiva, bix-xhur ta’ Jannar u Frar jaraw żieda b’saħħitha fin- numru ta’ passiġġieri ta’ 14.2% u 17.3% rispettivament.

Madankollu, domanda għall-ivvjaġġar li bdiet tbatti għall-bidu ta’ Marzu minħabba l-imxija tal-Covid-19 segwita minn projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar bl-ajru lejn l-aħħar tal-istess xahar wasslu għall-bidu ta’ kwart tassew iebes għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Tul it-tieni kwart tas-sena, waslu u telqu minn Malta ftit aktar minn 8,700 passiġġier fuq waħda minn 311-il titjira umanitarja li ġew operati waqt li l-bqija tat-titjiriet kummerċjali kienu wieqfa. 3,348 moviment tal-passiġġieri minn dan it-total ġew irreġistrati f’Ġunju.

“It-triq li għandna quddiemna hija mimlija sfidi, iżda f’dan il-perjodu ta’ bidu mill-ġdid tal- operat tagħna ninsabu determinati li nkomplu naħdmu mal-partijiet interessati kollha sabiex inħarju lill-pubbliku jivvjaġġa u, tul is-snin li ġejjin, nerġgħu nibnu in-netwerk tal- ajru tagħna u b’hekk ngħinu fl-irkupru ekonomiku ta’ Malta,” qal il-Kap Eżekuttiv tal- Ajruport Internazzjonali ta’ Malta s-Sur Alan Borg.

Mill-pubblikazzjoni tal-ewwel konnessjonijiet ma’ 17-il ajruport Ewropew għall-istaġun tas-sajf ’l hawn, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta aġġorna l-iskeda ta’ titjiriet tiegħu regolarment sabiex din tirrifletti l-aktar żviluppi reċenti.

Bħalissa, din l-iskeda toffri titjiriet diretti lejn 49 ajruport fi 13-il pajjiż Ewropew. Fil-jiem li ġejjin mistenni li titwessa’ aktar l-offerta ta’ titjiriet hekk kif l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta jkompli jibni n-netwerk ta’ rotot tiegħu.

Ekonomija

Sport