Wednesday, July 24, 2024

Ftuħ ta’ ċentru ġdid għall-anzjani fl-Isla

Iffirmat ftehim bejn l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u l-Kunsill Lokali tal-Isla

Aqra wkoll

L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità laħqet ftehim mal-Kunsill Lokali tal-Isla biex jitwaqqaf Ċentru tal- Anzjanità Attiva fl-Isla bil-għan li jiġu offruti diversi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, taħditiet edukattivi, u attivitajiet oħra għall-anzjani, f’din il-lokalità.

Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim fil-Ġnien tal-Gardjola fl-Isla kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall- Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli, is-Sindku tal-Isla Clive Pulis u membri tal-kunsill lokali tal-istess lokalità. 

B’dan iċ-ċentru fl-Isla n-numru ta’ ċentri tal-anzjanità attiva tela’ għal 32 u f’dawn iċ-ċentri jattendu madwar 2,050 membru. Iċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva fl-Isla se jkun qiegħed jopera minn sala li bħalissa qiegħda tiġi rinnovata wara li għaddiet f’idejn il-Kunsill Lokali tal-Isla. Dan iċ-ċentru se jkun immexxi minn ħaddiema tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali. 

Il-programm ta’ attivitajiet li se jitfassal għal dan iċ-ċentru huwa mmirat biex l-anzjani jkomplu jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja, ikollhom tagħrif dwar is-saħħa fiżika u mentali u l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani. 

Għal ħajja aktar attiva u sodisfaċenti

Is-Segretarju Parlamentari, Malcolm Paul Agius Galea, esprima s-sodisfazzjon tiegħu dwar dan il-ftehim fejn qal li, “din l-inizjattiva tirrifletti d-dedikazzjoni tagħna biex intejbu l-ħajja ta’ kuljum tal-anzjani billi nipprovdu spazji fejn l-anzjani jistgħu jiltaqgħu, jitgħallmu u jgawdu minn attivitajiet soċjali. B’dan il-mod qegħdin niżguraw li jkollhom ħajja iktar attiva u sodisfaċenti. Dawn iċ-ċentri joffru ambjent sigur u ta’ sapport fejn l-anzjani jistgħu jsawru relazzjonijiet ġodda u jgawdu minn esperjenzi pożittivi.” 

Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli, ukoll faħħret l-impenn u esprimiet sodisfazzjon li tara kunsill lokali ieħor jingħaqad ma’ kunsilli lokali oħra li joffru s-servizz ta’ ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani. 

Għal iktar informazzjoni kemm fuq dan is-servizz kif ukoll għall-informazzjoni fuq servizzi oħra li toffri l- Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan fuq in-numru 22788900 jew iżur l-uffiċini li jinsabu 3, Triq Żekka, il-Belt, jew is-sit elettroniku aacc.gov.mt. 

F’Għawdex, wieħed jista’ jagħmel kuntatt maċ-Ċentru Servizz Anzjan, fuq in-numru tat-telefon 22788238, jew iżur l-uffiċini li jinsabu 39, Triq ir-Repubblika, ir-Rabat Għawdex. Informazzjoni tista’ tinkiseb ukoll permezz tal-freephone 153.

Ekonomija

Sport