L-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali inawgurat l-uffiċini l-ġodda tagħha fl-Imrieħel nhar it-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020. Mifruxa fuq żewġ livelli, il-binja state-of-the-art hija kompluta bl-ogħla livelli u standards. Hekk kif l-awtorità tkopri settur li qiegħed kulma jmur jevolvi, kien bix-xieraq u fil-mument ġust li l-awtorità tmexxi l-operat tagħha lejn binja li taqdi b’mod suffiċjenti l-irwoli u r-responsabbiltajiet tagħha. Attenzjoni ingħatat għall-inqas dettall, inkluż l-użu tal-aħħar teknoloġija.
It-Tlieta wara nofsinhar, iċ-chairman tal-MDIA Dr Joshua Ellul u l-Kap Eżekuttiv Stephen McCarthy ospitaw lill-Ministru għall-Finanzi u Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo għaċ-ċerimonja tal-ftuħ uffiċjali. Huma daru ż-żewġ livelli u ngħataw spjegazzjoni ta’ kif il-ħaddiema tal-MDIA se jaħdmu fis-settur tal-innovazzjoni diġitali.
Is-Sur McCarthy qal li fl-2018, l-MDIA kienet tagħmel kuntatt mal-entitajiet biex tipproponilhom il-possibbiltà li jużaw teknoloġiji ġodda. Fl-2020, qed isir l-oppost, hekk kif kulma jmur dejjem qed jikber in-numru ta’ entitajiet li jagħmu kuntatt mal-MDIA sabiex ikunu mgħejjuna fl-użu ta’ Distributed Ledger Technologies, Intelliġenza Artifijali u oħrajn. Filwaqt li għaddejjin diskussjonijiet mal-leġiżlaturi, huwa nnota kif il-mandat tal-Awtorità mistenni jikber ferm iktar fis-snin li ġejjin. Għaldaqstant, il-binja l-ġdida kienet meħtieġa sabiex il-viżjoni tal-MDIA tkun milħuqa u tagħti merħba lil era ġdida tal-Awtorità.
Dr Ellul tkellem dwar il-qafas ta’ assigurazzjoni fuq it-teknoloġija li żviluppat l-Awtorità. B’dal-proċess, l-MDIA skrutinizzat u approvat Systems Auditors, li huma mistennija li jżommu l-istess livelli ta’ standards u assigurazzjoni fl-arranġamenti teknoloġiċi innovattivi li se jkunu qed jawditjaw. Huwa rrimarka li l-innovazzjoni m’għandix tkun maħnuqa iżda appoġġjata, u għalhekk il-qafas huwa wieħed volontarju għal sistemi li mhumiex kritiċi, filwaqt li jista jkun meħtieġ u mitlub minn awtorità kompetenti għal sistemi li huma kritiċi.
Il-Ministru għall-Finanzi u s-Servizzi Finanzjarji Edward Scicluna spjega kif id-diversifikazzjoni f’setturi u f’niċeċ ġodda huwa mod essenzjali li permezz tiegħu jiġi xprunat it-tkabbir ekonomiku. Innota li l-Gvern dejjem kien minn ta’ quddiem biex iħaddan l-ekonomija diġitali. Saħaq li se jkompli jsir l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni, hekk kif dawn huma ċ-ċavetta tal-futur għal Malta. Il-Ministru Scicluna rrimarka wkoll dwar il-bżonn li jkun hemm front komuni u kkoordinat biex it-teknoloġija diġitali tkun imbutatta ‘l quddiem b’mod olistiku speċjalment fejn tidħol il-kompetittivita’ finanzjarja.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji u l-Ekonomija Diġitali Clayton Bartolo semma kif l-MDIA hija għodda kruċjali biex is-settur tal-ekonomija diġitali jkompli miexi ‘l quddiem. Huwa rrimarka kif fl-aħħar xhur sar ħafna xogħol biex din l-istess Awtorità tkompli ttejjeb is-settur diġitali u sostna li s-suċċessi f’dan is-settur għadhom iridu jiġu. Saħaq li l-kompetittività trid tkompli titjieb f’dinja li aktar ma jgħaddi żmien dejjem isir diġitali. Is-Segretarju Parlamentari qal li jemmen li l-faċilitajiet il-ġodda tal-MDIA se jkunu simbolu ta’ tama ġdida għal start-ups li jixtiequ jsostnu l-operazzjonijiet tagħhom f’Malta. Awgura wkoll biex din il-binja tkompli tkun pjattaforma regolatorja b’saħħitha li tkompli żżomm l-integrità tas-suq u l-interess pubbliku fl-industrija inġenerali.