Wednesday, December 25, 2024

“Fuqna l-obbligu li dak li għamel Karl ma nwaqqfuhx”

Il-Parlament isellem il-memorja tal-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder

Aqra wkoll


Il-Parlament sellem il-memorja tal-eks Deputat Nazzjonalista Karl Gouder li ħalla din id-dinja fl-10 ta’ Settembru li għadda fl-età ta’ 45 sena. Karl kien deskritt bħala bniedem umli, sinċier u li dejjem lest li jgħin lil ħaddieħor.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li lil Karl ilu jafu ħafna snin, minn meta kienu żgħar, u baqa’ qatt ma nbidel. “Dak li kont nafu ta’ 11-il sena erġajt sirt nafu meta snin wara erġajna ltqajna f’din il-Kamra.”
Dr Abela qal li lil Karl jafu bħala persuna li kellu sens ta’ ferħ li kien jittrażmettih lil ħaddieħor. Huwa kompla jgħid li qatt ma ħallew il-fehma politika diversa li kellhom tissepara l-ħbiberija tagħhom.
“Karl dejjem emmen li għandna niddibattu t-temi u min għandu l-aqwa tema l-poplu jiġġudikah dwarha. Meta temm il-karriera politika fil-Kamra, għalkemm baqa’ jimmilita fil-qasam politiku, żamm dak l-istil,” qal il-Prim Ministru.
Huwa semma wkoll kif Karl qatt ma kien daħħal sens ta’ diviżjoni bejn il-poplu u ta l-aqwa kontribut li seta’ jagħti b’risq is-soċjetà. Qal li “fuqna jeżisti l-obbligu li dak li għamel hu, ma nkunux aħna li nwaqqfuh imma nkunu aħna li nibqgħu nibagħtu dak il-messaġġ ta’ rikonċiljazzjoni.”
Il-Prim Ministru sostna li jekk hemm kelma waħda li biha jiddeskrivi l-istil ta’ kif Karl ħadem fil-ħajja pubblika hija l-istil rikonċiljativ, “li kull wieħed u waħda minna” se juri lill-poplu ta’ kif għandu policies aħjar għat-tmexxija ‘l quddiem għas-soċjetà tagħna imma fl-istess waqt jemmnu li jistgħu jaħdmu flimkien biex dejjem jista’ jkollna pajjiż aħjar.
Huwa tkellem ukoll dwar it-tema tas-saħħa mentali u stqarr li din hija realtà fis-soċjetà tagħna fejn irridu nkomplu naħdmu biex negħlbu l-istigmatizzazzjoni dwarha. “Nemmen li għandna din ir-responsabbiltà li nibqgħu ninvestu fis-servizzi tas-saħħa mentali, nibqgħu ninvestu fil-faċilitajiet, nibqgħu nitkellmu għax din hi realtà li rridu nibqgħu nindirizzawha u nagħtu soluzzjonijiet għaliha.”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech stqarr li t-telfa ta’ Karl kienet iebsa ħafna għalih u qal li “għal din in-naħa tal-Kamra kien persuna qrib ħafna u nibqgħu ngħożżuh bħala persuna li għal snin twal ħadem fiċ-ċentru tagħna.”
Dr Grech qal li ma’ Karl qasmu ħafna memorji sbieħ, oħrajn inqas sbieħ jew iebsa, però dejjem kellu dak is-sens ta’ dawl u komfort għal kull min imiss miegħu. Tenna li l-kwalità li l-aktar kienet tispikka fih kienet it-tbissima tiegħu u li dejjem lest biex ikun ta’ servizz għal ħaddieħor.
L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia qal li s-Sedja tingħaqad mas-sentimenti espressi mill-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li stqarr li Karl kien bħala bniedem li bilfors kont tħobbu.
Il-kelliema wkoll taw il-kondoljanzi lill-familjari ta’ Karl Gouder.

Ekonomija

Sport