Wednesday, December 25, 2024

Furnar mixli bi stupru u li kkorrompa tifla ta’ 15-il sena 

Aqra wkoll

Raġel ta’ 35 sena minn Ħal Tarxien ġie mixli bi stupru u li kkorrompa tifla ta’ 15-il sena waqt ‘sleepover’ fid-dar tiegħu. 

L-Ispettur Joseph Busuttil spjega lill-Maġistrat Josette Demicoli kif l-akkużat, Keith Vella, li jaħdem bħala furnar, kien arrestat wara li l-ġenituri tat-tifla marru jirrapportaw f’għassa li binthom kienet allegatament ġiet stuprata mill-akkużat.

Fil-Qorti ġie spjegat li Vella jinsab f’relazzjoni maz-zija ta’ ħabiba tal-vittma. It-tfajla ġiet mitkellma mill-pulizija u kienet allegat mal-pulizija li Vella kien “stupraha b’subgħajh” waqt sleepover fid-dar ta’ ħabibtha. 

Mart ir-raġel dakinhar kienet rieqda f’kamra oħra, żied jgħid l-Ispettur. It-tifla rnexxielha twaqqfu, qajmet lill-ħabiba tagħha u flimkien imbagħad qajmu lill-ġenituri tal-ħabiba, li marru l-għassa.

L-Avukat Roberto Spiteri, li deher għal Vella, talab biex ma jixxandarx isem il-klijent tiegħu għaliex dan kien se jikkawża ħsara rreparabbli lill-familja u l-impjieg tiegħu kif ukoll ikun hemm “ripekussjonijit negattivi u ta’ preġudizzju” fuq uliedu. 

L-Ispettur Busuttil spjega li l-ġenituri tat-tfal involuti kkonfermaw li ma kienx hemmm mod kif wieħed jasal għall-identità ta’ wliedhom mill-identifikazzjoni tal-akkużat. Kien għalhekk li qal li din it-talba ma kellha l-ebda bażi fil-liġi. 

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni ta’ isem l-akkużat. L-Avukat Spiteri mbagħad talab lill-Qorti biex il-klijent tiegħu jingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oġġezzjoni mill-prosekuzzoni minħabba n-natura tar-reat u l-fatt li hemm żewġ minuri li għad iridu jixhdu.

Wara li semgħet is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi. Għaldaqstant huwa baqa’ jinżamm taħt arrest preventiv. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet ukoll mill-Avukat Darlene Grima mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispettur Paul Camilleri. 

Ekonomija

Sport