Fgura United xejn ma sabuha faċli li jiksbu t-tliet punti fl-impenn tagħhom fl-Enemed Futsal League li rritorna wara pawsa ta’ ġimagħtejn.
Eventwalment, Fgura rebħu lil Malta Veterans 4-3 f’logħba ferm kumbattuta u sabiħa.
It-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta stabilixxa vantaġġ tajjeb ta’ 4-1 għalkemm il-veterani bdew ġejjin u setgħu saħansitra ġabu l-iskor indaqs li ma kienx għall-bravuri tal-gowlkiper Gallen Mifsud.
Sebastian Nayar skorja żewġ gowls għal Fgura bil-captain Matthew Camilleri u Joshua Tonna jżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Noel Bray,Leandros Calleja u James Ciangura skorjaw il-gowls għall-Veterani.
Iċ-champions Luxol għelbu lil Marsaskala bl-iskor ta’ 3-0 f’logħba li huma kkontrollaw mingħajr ebda problemi.
Marwan Telisi, Jhonn Anderson Pulido u Andrew Abela skorjaw il-gowls l-aktar importanti għat-tim minn St Andrews.
Swieqi United kisbu rebħa tajba ta’ 6-1 kontra Żurrieq sabiex telgħu skaluna oħra fil-klassifika. Justin Theuma kien il-protagonista għal Swieqi hekk kif skorja tliet gowls b’Felipe Molina awtur ta’ doppjetta.
Ryan Muscat għaqqad l-iskor għat-tim tiegħu filwaqt li Armando Gjepali kien l-iskorer għal Żurrieq li kienu qed isofru l-ewwel telfa tal-istaġun.