Wednesday, January 21, 2026

Futsal: Ġimgħa importanti b’diversi rebħiet kruċjali

Aqra wkoll

Ġimgħa importanti ħafna għall-Futsal Malti fejn mhux biss telgħu l-polz tat-Trophy, iżda rajna wkoll diversi rebħiet kruċjali li qed jaffettwaw direttament il-klassifika kemm fil-kampjonat femminili kif ukoll f’dak maskili.

Fil-kampjonat femminili kellna mument storiku hekk kif waslet l-ewwel rebħa ta’ Parr Mela Rockets Futsal, li rebħu lil St Andrews Futsal bl-iskor ta’ 3-1, minkejja li St Andrews kienu marru fil-vantaġġ kmieni fil-logħba. Zero Sei Futsal komplew jikkonfermaw id-dominanza tagħhom b’rebħa konvinċenti ta’ 7-1 kontra Swieqi United Futsal LECO7, biex jibqgħu mingħajr telfa u matematikament jiżguraw posthom fil-playoffs. Issa huma biss erba’ punti ’l bogħod milli jassiguraw l-ewwel post fil-klassifika.

Fl-aħħar partita tal-ġimgħa, li kienet waħda ferm kumbattuta, St George’s Futsal irnexxielhom iżommu t-tieni post fil-klassifika wara rebħa importanti ta’ 3-2 kontra Luxol Sports Club Futsal Argus. Minkejja li St Andrews marru fil-vantaġġ, żewġ gowls minn Estefany Colmenarez dawru r-riżultat favur it-tim ta’ Bormla. B’din ir-rebħa, St George’s issa kkwalifikaw matematikament għall-playoffs, filwaqt li Luxol fadalhom punt wieħed biss biex jilħqu dan l-għan.

Il-klassifika tal-kampjonat femminili wara Matchweek 7 tara lil:
Zero Sei Futsal fl-ewwel post b’19-il punt, segwiti minn St George’s Futsal b’14-il punt, Luxol Sports Club Futsal Argus b’13-il punt, Swieqi United Futsal LECO7 b’7 punti, Parr Mela Rockets Futsal b’4 punti u St Andrews Futsal fl-aħħar post b’3 punti.

Fil-kampjonat maskili ntlagħbu ħames logħbiet, b’ġimgħa intensa speċjalment għal Luxol St Andrews FC Futsal, li kienu impenjati f’żewġ konfronti. L-ewwel logħba kienet kontra Malta FA Futsal Selection U18, fejn kisbu rebħa kbira ta’ 13-0, filwaqt li fit-tieni partita kontra GZR Birżebbuġa St Peter’s Futsal rebħu bl-iskor ta’ 5-1. B’dawn iż-żewġ rebħiet, Luxol St Andrews telgħu fl-ewwel post tal-klassifika, flimkien ma’ University of Malta Students Futsal Team, iżda b’logħba inqas.

Waslet ukoll l-ewwel rebħa ta’ Malta FA Futsal Selection U17, li għelbu lil Santa Venera Lightnings Futsal bl-iskor ta’ 5-3, filwaqt li University of Malta kisbu rebħa ta’ 3-0 kontra Sliema Futsal Fort Fitness. F’konfront dirett importanti, Marsaskala Futsal Legends ħarġu rebbieħa ta’ 8-4 kontra Żejtun Corinthians Futsal WA, biex b’hekk ikkonfermaw it-tielet post fil-klassifika, bi tliet punti vantaġġ fuq iż-Żwieten.

Il-klassifika tal-kampjonat maskili issa tara lil:
Luxol St Andrews FC Futsal u University of Malta Students Futsal Team fl-ewwel żewġ postijiet b’21 punt kull wieħed, segwiti minn Marsaskala Futsal Legends b’18-il punt, GZR Birżebbuġa St Peter’s Futsal b’15-il punt, Żejtun Corinthians Futsal WA b’12-il punt, Malta FA Futsal Selection U18 b’6 punti, Sliema Futsal Fort Fitness u Santa Venera Lightnings Futsal b’4 punti kull wieħed, u Malta FA Futsal Selection U17 b’3 punti.


ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport