Fl-aħħar rawnd tas-sena tal-futsal f’Malta rajna ġimgħa intensa u mimlija gowls fiż-żewġ kampjonati, maskili u femminili. Dawn il-logħbiet ikkonfermaw is-saħħa ta’ University of Malta Futsal fil-kampjonat maskili u ta’ Zero Sei Futsal fil-kampjonat femminili, hekk kif iż-żewġ timijiet għalqu s-sena fil-quċċata tal-klassifika.
Kampjonat Maskili
Fil-kampjonat maskili, Santa Venera Lightnings Futsal kisbu l-ewwel rebħa tal-istaġun wara suċċess ċar ta’ 8–2 kontra Futsal Selection U19, partita li ġiet deċiża fl-ewwel taqsima hekk kif Santa Venera fetħu vantaġġ ta’ erba’ gowls. University of Malta Futsal komplew jiddominaw il-kampjonat hekk kif irreġistraw rebħa kbira ta’ 11–0 kontra GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal, bil-player Arġentin Cristian José Fernández jkun il-protagonista assolut wara li skurja ħames gowls. Rebħa oħra impressjonanti waslet minn Luxol St. Andrews Futsal, li għelbu lil Żejtun Corinthians Futsal WA bl-iskor kbir ta’ 17–4, bil-Brażiljan Ferreira jniżżel ismu fost l-iskorers ħames darbiet biex iċ-champions preżenti jibqgħu bla telfa. F’partita importanti għall-klassifika, Marsaskala Futsal Legends żammew it-tieni post b’rebħa ta’ 9–3 kontra Sliema Futsal Fort Fitness, b’Schembri jiskurja tliet gowls.Wara Matchweek 7, il-klassifika tal-kampjonat maskili tara lil University of Malta Futsal fil-quċċata b’6 logħbiet u 18-il punt, segwiti minn Marsaskala Futsal Legends li għandhom 7 logħbiet u 15-il punt. Warajhom hemm Luxol St. Andrews Futsal u GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal it-tnejn fuq 12-il punt, b’Luxol lagħbu 4 logħbiet u Birżebbuġa 6. Żejtun Corinthians Futsal WA jinsabu fuq 9 punti minn 6 logħbiet, filwaqt li Sliema Futsal Fort Fitness u Santa Venera Lightnings Futsal għandhom 4 punti minn 5 u 6 logħbiet rispettivament. Fil-qiegħ tal-klassifika hemm Futsal Selection U19 bi 3 punti minn 6 logħbiet u Futsal Selection U17 li għadhom mingħajr punti wara 6 logħbiet.
Kampjonat Femminili
Fil-kampjonat femminili, Parn Mela Rockets Futsal kisbu l-ewwel punt tal-istaġun tagħhom wara rimonta mill-aqwa, hekk kif irkupraw żvantaġġ ta’ erba’ gowls kontra St. George’s Futsal biex temmew il-partita fi draw ta’ 4–4. Luxol Sports Club Futsal Argus komplew bl-istaġun pożittiv tagħhom wara li għelbu lil Swieqi United Futsal LECO7 bl-iskor ta’ 4–1, biex b’hekk ikkonfermaw it-tieni post fil-klassifika. Min-naħa tagħhom, Zero Sei Futsal għalqu s-sena b’rebħa dominanti oħra, hekk kif għelbu lil St. Andrew’s Futsal 9–0, u komplew bla telfa fil-kampjonat.Wara Matchweek 6, il-klassifika tal-kampjonat femminili tara lil Zero Sei Futsal fil-quċċata b’16-il punt minn 6 logħbiet, segwiti minn Luxol Sports Club Futsal Argus b’13-il punt ukoll minn 6 logħbiet. St. George’s Futsal jinsabu fit-tielet post b’11-il punt, filwaqt li Swieqi United Futsal LECO7 għandhom 7 punti. St. Andrew’s Futsal jinsabu bi 3 punti, u Parn Mela Rockets Futsal għalqu l-klassifika b’punt wieħed.