Il-logħbiet tar-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Champions League isiru din il-ġimgħa, u kollha jibdew fi gruppi differenti b’Match Day One bejn it-Tlieta u l-Erbgħa.
Minbarra Luxol St. Andrews Futsal, li huma ċ-Champions domestiċi renjanti li jirrappreżentaw lil pajjiżna, huma involuti wkoll uffiċjali tal-logħob lokali.
Ir-referee tal-futsal Stephen Vella ġie maħtur bħala wieħed mill-uffiċjali tal-logħba fir-Round Prinċipali ta’ Grupp 5 li qed issir fil-belt kapitali Kroata ta’ Zagreb.
Il-partiti fil-kumpless sportiv KC Dražen Petrovic jaraw il-kompetizzjoni bejn erba’ Champions domestiċi tal-Futsal, bit-tim Kroat MNK Futsal Dinamo bħala ospitanti, jaqsam ix-xwabel f’dan il-grupp mat-tim tal-Montenegro ta’ KMF Titograd, Örebro SK Futsal mill-Isvezja, u KSC Lubawa li jirrappreżentaw lill-Polonja. .
Stephen Vella ġie fdat biex jmexxi żewġ logħbiet f’dan il-grupp, il-partita ta’ nhar it-Tlieta bejn in-naħat tal-Montenegro u dik Pollakka, u aktar tard l-Erbgħa se jkun inkarigat li jikkontrolla r-rabta bejn MNK Futsal Dinamo (CRO) u għal darb’oħra ċ-Champions Pollakki KSC Lubawa.
L-isbaħ xewqat lil Stephen f’dan l-inkarigu li jirrappreżenta lil pajjiżna u lill-assoċjazzjoni f’din il-kompetizzjoni Ewropea tal-Futsal ta’ profil għoli.