It-tim nazzjonali Malti tal-futsal tilef ir-raba’ partita mir-round ewlieni tal-kampjonat Ewropew 2026 meta fil-Padiljun tal-Universita’ huma ġew megħluba mill-Italja 5-1.
L-Italja mal-ewwel urew l-intenzjonijiet ċari u marru minn fuq permezz ta’ Julio de Oliveira b’xutt fil-baxx.
Il-Maltin wettqu reazzjoni u kellhom xuttijiet ta’ Michael Borg u Maicon li sabu lill-goalkeeper Dalcin attent.
U dan kien il-preludju għall-gowl Malti li ġie skorjat miż-żagħżugħ Collin Sammut li wara li rċieva mingħand Maicon ra l-ewwel xutt tiegħu milqugħ minn Dalcin sabiex mir-rebound l-istess plejer xeħet ġewwa.
Il-Maltin iddeċidew li joħorġu bil-flying keeper u dan ippermetta lit-Taljani jieħdu vantaġġ sabiex jiskorjaw it-tieni gowl permezz ta’ Gabriel Motta.
Fl-aħħar sekondi qabel tmiem l-ewwel Murilo Schiochet għamilhom 3-1.
Fit-tieni taqsima, it-Taljani baqgħu konsistenti u skorjaw ir-raba’ gowl meta wara azzjoni ta’ freekick, ballun jaħbat mal-lasta sabiex mir-rebound ikun Gabriel Motta li b’hekk skorja doppjetta personali.
Maicon ipprova jnaqqas il-marġni tal-iskor 12-il minuta minn tmiem iżda t-tentattiv tiegħu ġie milqugħ mill-goalkeeper Dalcin.
Disa’ minuti mit-tmiem, l-Italja viċin li jiskorjaw il-ħames gowl iżda x-xutt ta’ Merlim ħabat mal-mimduda.
Żewġ minuti wara, tentattiv ta’ Giancarlo Sammut għadda għoli.
L-Italja ssiġġillaw ir-rebħa lejn l-aħħar wara li Italo Rossetti llobbja tajjeb minn fuq Clitn Mifsud għal ġewwa.
It-tim nazzjonali Malti issa jmissu jilgħab kontra l-Finlandja barra minn daru fl-10 t’April li ġej.
Malta: Clint Mifsud, Michael Borg, Mark Zammit, Maikinho, Marwan Telisi, Matthias Borg, Dylan Pace, Giancarlo Sammut, Luke Anthony Borg, Luke Gatt, Dale Valletta, Nathan Cope, Karl Schembri, Collin Sammut.
Italja: Dalcin, Italo Rosseti, Venancio, Alex Merlim, Murilo Schiochet, Jurij Bellobuono, Antonio Molaro, Enrico Donin, Julio de Oliveira, Gabriel Motta, Alessio Saponara, Lorenzo Etzi, Michele Podda, Antonino Isgro.
Referee 1 – Zyl Robert Fred Sheriff (Renju Unit)
Referee 2 – Valentin Ciuplea (Wales)
Referee 3 – Alan Patchell (Irlanda)
Timekeeper – Andrea Naudi (Malta)