Il-Futsal Malta Association b’kollaborazzjoni mal-Malta Women’s 5-a-side Associaton organizzat l-ewwel turnament tan-nisa fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet.
Madwar 70 plejer femminili ħadu sehem f’dan it-turnament u kienu maqsuma f’sitt timijiet. Eventwalment it-timijiet kienu maqsuma f’żewġ gruppi bir-rebbieħ ta’ kull grupp li lagħab il-finali.
L-atmosfera fil-padiljun tal-iskola nazzjonali tal-isport f’Pembroke kienet waħda pożittiva bit-tfajliet li wrew il-ħiliet tagħhom f’dan l-isport li għal xi wħud hu relattivament ġdid.
Sadanittant kull min ipparteċipa ngħata midalja tal-okkażjoni bit-tim rebbieħ li ġie ppreżentat bi trofew mill-president tal-FMA Mark Borg.
Sadanittant f’April li ġej se ssir it-tieni edizzjoni bil-mira li aktar tfajliet jipparteċipaw.
Fl-istess waqt, l-FMA ħabbret li se tkun qed torganizza kampjonat nazzjonali femminli matul l-istaġun li ġej.