Sunday, November 16, 2025

Futsal: L-Universitá u Birżebbuġa SP jaqsmu l-quċċata tal-klassifika

Aqra wkoll

Il-ġimgħa tal-Futsal f’Malta kienet mimlija azzjoni u sorpriżi f’żewġ kampjonati li qed isiru dejjem aktar kompetittivi. Fil-kampjonat maskili, l-Università ta’ Malta u Birżebbuġa St. Peter’s reġgħu wrew il-konsistenza tagħhom u zammew posthom fil-quċċata, filwaqt li fil-kampjonat femminili, Zero Sei Futsal approfittaw mid-draw ta’ St George’s u telgħu waħedhom fil-quċċata wara prestazzjoni dominanti.

Kampjonat Maskili

Sliema Futsal Fort Fitness kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun b’mod konvinċenti, meta għelbu lil Malta FA Futsal Selection U17 5-1, bil-Brażiljan Rodrigues Silva Leandro jkun protagonist. L-Università ta’ Malta komplew juru l-forza tagħhom b’7-0 kontra Marsaskala Futsal Legends, rebħa li tpoġġihom b’mod ċar fost il-favoriti għal dan l-istaġun. Zejtun Corinthians Futsal ukoll kisbu l-ewwel rebħa tagħhom b’wirja effiċjenti li rat lill-Corinthians jirbħu 7-4, filwaqt li Birżebbuġa St. Peter’s żammew il-pass ma’ ta fuq b’rebħa ta’ 8-1 fuq Santa Venera Lightnings, li għadhom ifittxu l-ewwel punti tagħhom.

l-Università ta’ Malta u Birżebbuġa St. Peter’s jaqsmu l-quċċata b’9 punti kull wieħed. Marsaskala Legends jinsabu fit-tielet post b’6 punti, segwiti minn Luxol St. Andrews, Sliema Fort Fitness u Zejtun Corinthians li kollha għandhom 3 punti. L-aħħar tliet pożizzjonijiet jokkupawhom il-Selections U19 u U17, flimkien ma’ Santa Venera Lightnings, li għadhom kollha bla punti.

Kampjonat Femminili

F’partita ta’ ritmu għoli, St George’s Futsal u Swieqi United Futsal spiċċaw fi draw spettakolari ta’ 4-4. Zero Sei Futsal approfittaw min dan l-iskor u wettqu rebħa kbira ta’ 10-2 kontra Parr Mela Rockets Futsal, rebħa li tellagħhom fil-quċċata tal-klassifika wehidom. Luxol Sports Club Futsal Argus ukoll impressjonaw b’8-0 fuq St Andrews Futsal biex komplew jikkonsolidaw posthom ma’ t-tlieta ta’ quddiem.

Zero Sei Futsal jinsabu fl-ewwel post b’9 punti, segwiti minn St George’s Futsal b’7 u Luxol Futsal Argus b’6. Warajhom insibu lil St Andrews fuq 3 punti, Swieqi United b’punt wieħed, u Parr Mela Rockets li għadhom bla punti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport