Saturday, December 28, 2024

Futsal Luxol jibdew id-difiża tat-titlu b’konfront diffiċli kontra Swieqi

Aqra wkoll

Iċ-champions tal-futsal lokali Luxol St Andrew’s se jibdew id-difiża tat-titlu li rebħu fl-istaġun li għadda b’logħba diffiċli kontra l-isfidanti Swieqi Futsal.

Hekk kif ilbieraħ telgħu l-poloz mill-Enemed Futsal League, ir-rebbieħa tal-kompetizzjoni knock-out University of Malta ACJ Group telgħu biex jilagħbu kontra Marsaskala Futsal filwaqt li ŻRQ Bormla Futsal se jaffrontaw lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-19-il sena.

It-tim li wasal sal-play-offs Ta’ Xbiex Futsal Iżola Bank se jilagħbu kontra d-debuttanti Gżira United Santa Margerita Futsal filwaqt li Santa Venera Lightnings u Sliema Wanderers se jibdew l-impenji tagħhom b’konfront kontra xulxin.

Finalment, is-selezzjoni Maltija ta’ taħt it-18-il sena jilagħbu kontra Birżebbuġa St Peter’s.

Qabel dawn il-poloz tkellem il-president tal-FMA il-perit Mark Borg li kien ferm sodisfatt li 12-il tim applikaw sabiex jieħdu sehem matul dan l-istaġun u rringrazzja lid-diriġenti tal-klabbs li qed jgħinu sabiex din il-logħba tkompli tikber dejjem aktar.

Borg irringrazzja liż-żewġ viċi-president Nathaniel Jones u Kurt Rizzo li se jkunu qed jaħdmu b’sinerġija mal-assoċjazzjoni sabiex tkompli żżid il-profil tagħha. Ġiet introdotta wkoll il-jingle uffiċjali qabel ma jkunu se jibdew il-logħob li xi wħud minnhom se jkunu qed jintwerew fuq it-televiżjoni.

Borg irringrazzja wkoll lill-isponsor ewlieni Enemed li qed jagħtu s-sapport finanzjarju tagħhom sabiex ikomplu jsaħħu l-kompetizzjonijiet lokali tal-futsal.

L-istaġun tal-futsal lokali jibda fid-29 ta’ Settembru li ġej meta ċ-champions Luxol u r-rebbieħa tan-KO University of Malta ACJ Group jilagħbu għas-Super Cup.

Ekonomija

Sport