Sunday, November 24, 2024

Futsal: Luxol jiftħu vantaġġ ta’ disa’ punti fil-quċċata  

Aqra wkoll

Iċ-champions Luxol St Andrews iddominaw il-konfront tagħhom mill-Enemed Futsal Premier League kontra Ta’ Xbiex Futsal tant li rebħu bl-iskor kbir ta’ 7-0.  

It-tim minn St Andrews ħa r-riedni tal-partita kompletament f’idejh, b’Ta’ Xbiex li kienu d-dell tat-tim li ġimgħa qabel tant lagħab tajjeb kontra Swieqi United.  

Hekk kif Mark Zammit kien sospiż għal St Andrews il-faxxa ta’ captain ħadha Andy Mangion li onoraha bl-aqwa mod possibbli hekk kif għen lit-tim tiegħu wara li skorja doppjetta personali, l-istess bħalma għamel il-Brażiljan Celino Alves.  Mill-banda l-oħra, Matthew Attard, Andre Ciancio u Maicon da Silva Gaiewski żiedu aktar gowls għal Luxol.  

Steven Camilleri kien il-protagonista prinċipali fil-logħba l-oħra mill-istess diviżjoni hekk kif skorja erba’ gowls u witta t-triq għar-rebħa tal-Universita’ ta’ Malta kontra Żurrieq bl-iskor ta’ 6-3.  

Gia Nikvashvili skorja doppjetta sabiex għaqqad l-iskor għall-Universitarji b’Żurrieq jirrispondi permezz ta’ doppjetta ta’ David de Almeida u gowl ieħor ta’ Kurt Darmanin.  

Mill-Enemed Challenger League, St George’s kisbu rebħa dominanti ta’ 8-1 kontra Fgura United fid-dwell bejn żewġ timijiet ġirien ta’ xulxin.  

L-iskorer prolifiku Karl Luke Schembri kien awtur ta’ hat-trick filwaqt li Faisal Alnakoou skorja doppjetta. Jovica Milijic, Vuk Rankovic u Claudio Venuto għaqqdu l-iskor għall-Bormliżi.  

Jose Angel Godar Pereira skorja l-uniku gowl għal Fgura.  

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL PREMIER LEAGUE  

Luxol St Andrews 33, Swieqi United , Ta’ Xbiex 25, L-Universita’ ta’ Malta 21, Żurrieq Futsal 15  

KLASSIFIKA – ENEMED CHALLENGER LEAGUE  

St George’s 22, Marsaskala 15, Fgura United 6, Malta U19 3, Malta Veterans 0  

Sport