Tuesday, September 24, 2024

Futsal: Luxol jikkonfermaw is-supremazija tagħhom

Aqra wkoll

Luxol komplew juru id-dominanza tagħhom matul dan l-istaġun wara rebħa kbira li kellhom kontra Mellieħa bl-iskor ta’ 14-0. Anke Valletta komplew iżommu l-pass mat-tim minn St Andrews hekk kif irreġistraw rebħa oħra kbira ta’ 10-2 kontra Ta’ Xbiex.

B’hekk jidher biċ-ċar li se jerġgħu jkunu Luxol u Valletta li għal sena oħra se jkunu qed jissieltu għall-unur finali tal-Enemed Futsal Premier League.

Luxol kellhom xalata ta’ gowls kontra Mellieħa b’Gia Nikvashvili awtur ta’ poker u bil-captain Mark Zammit jiskorja hat-trick. Doppjetta ta’ Everton Veve, Emil Raducu, Celino Alves, Andy Mangion, Matthew Attard u Melvin Borg għaqqdu l-14-il gowl għat-tim immexxi minn Gabriel Dobre.

Valletta baqgħu tliet punti bogħod mil-liders Luxol wara suċċess ta’ 10-2 fuq Ta’ Xbiex Futsal. Il-Beltin kellhom lil Karl Sciortino u Steven Brayan awturi ta’ doppjetta kull wieħed filwaqt li Jovica Milijic, Andre Ciancio, Michael Borg, Anderson, Emerson u Zvezdan Vukovic ukoll niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Ivan Delgado u Stefi Cale skorjaw iż-żewġ gowls għal Ta’ Xbiex.

Naxxar Lions baqgħu jżommu l-ewwel post tal-Enemed Challenger League wara rebħa missielta ta’ 4-3 kontra Żurrieq Futsal. Kienet logħba ferm interessanti biż-żewġ naħat li qatt ma qatgħu qalbhom għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu n-Naxxarin li ħadu t-tliet punti finali.

Clyde Bonavia, Jose Angel Godar Pereira, Sean Parnis u Antoine Barbara skorjaw għal Naxxar, b’Żurrieq li dejjem irrispondew b’Keith Callus, Boycho Marev u George Douglas Saliba jsibu x-xibka għaż-Żrieraq.

Siġġiewi kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva hekk kif għelbu lil St Georges bl-iskor ta’ 6-1. Is-Siġġiwin qed jerġgħu jsibu l-forma li bdew biha dan l-istaġun. Huma skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetti ta’ Ryan Muscat u Kurt Darmanin b’Shataizan Zarb u Juan Sebastian Morales jżidu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Yessous Camilleri skorja l-gowl ta’ konsolazzjoni għall-Bormliżi.

Marsaskala kisbu l-ewwel rebħa tagħhom tal-istaġun hekk kif għelbu lil Qormi 7-1. It-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta lagħbu l-aqwa logħba tal-istaġun u kellhom lil Matthias Camilleri u Alessio Restuccia jiskorjaw żewġ gowls kull wieħed. Anke Joyfred Farrugia, Josef Balzan u Clyde Fenech kellhom is-sodisfazzjon li jiskorjaw gowl għat-tim tagħhom.

Qormi skorjaw l-uniku gowl tagħhom permezz ta’ Ayrton Duncan.

Klassifika – Enemed Futsal Premier League:

Luxol 36, Valletta 33, Ta’ Xbiex, L-Universita’ ta’ Malta 21, Mellieħa 18.

Klassifika – Enemed Futsal Challenger League:

Naxxar 21, St George’s 15, Siġġiewi 12, Żurrieq 7, Qormi 6, Marsaskala 4

Sport