Thursday, October 10, 2024

Futsal: Luxol jirbħu lil Valletta fil-konfront dirett

Aqra wkoll

Luxol St Andrews baqgħu jżommu l-konsistenza fl-Enemed Futsal League meta fil-konfront dirett kontra Valletta huma rebħu bl-iskor ta’ 7-1.  

Kienet logħba ferm mistennija bejn żewġ timijiet li sa qabel dan il-konfront kienu rebħu t-tmien logħiet kollha li lagħbu.  

Minkejja li sabu ruħhom minn taħt, it-tim minn St Andrews wettqu reazzjoni furjuża u wara li ġabu l-iskor indaqs, qatt ma kien hemm dubju li kienu se jirbħu din il-partita.  

Protagonist ta’ din il-partita kien il-plejer Brażiljan Maicon da Silva Gaiewski li kien awtur ta’ doppjetta b’gowl isbaħ mill-ieħor. Min-naħa l-oħra l-plejer żagħżugħ Nathan Cope, Mark Zammit, Emil Raducu, Marwan Telisi u Everton Veve għaqqdu l-iskor għat-tim tagħhom.  

Karl Sciortino kien poġġa lil Valletta fil-vantaġġ.  

Ta’ Xbiex kellhom wirja kbira fil-logħba kontra Siġġiewi tant li rebħu bl-iskor ta’ 9-2. Din kienet rebħa oħra ferm importanti li kompliet tellgħethom aktar ‘il fuq fil-klassifika.  

L-attakkant prolifiku Stefi Cale skorja tripletta, George Frendo skorja doppjetta filwaqt li Jason Gauci, Joshua Tonna, Ivan Vadillo Delgado u awto-gowl għaqqdu l-iskor għat-tim minn Ta’ Xbiex.  

Juan Sebastian Poveda skorja doppjetta għal Siġġiewi.  

L-Universita’ ta’ Malta baqgħu jżommu l-pass ma’ ta’ fuq wara rebħa importanti ta’ 9-2 kontra Marsaskala.  

Cleavon Portelli skorja tripletta għall-Universitarji b’Mohammed Elamari u Jean Noel Azzopardi jkunu awturi ta’ doppjetta kull wieħed. Stefan Camilleri u Steve Cauchi wkoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.  

Marsaskala skorjaw il-gowls ta’ konsolazzjoni tagħhom permezz ta’  Clyde Fenech u Shaun Muscat.  

Żurrieq kisbu rebħa tajba ta’ 5-0 kontra Qormi. Dan kien riżultat ieħor pożittiv għaż-Żrieraq li bl-inklużjoni tal-plejer veteran Boycho Marev bħal donnhom qabdu ritmu tajjeb.  L-istess plejer Bulgaru sab ix-xibka u kompla mad-doppjetta ta’ Gabriel Ghigo, Alexei Saliba u Daniel Abdilla.  

Naxxar issoprendew lil Mellieħa u rebħulhom bl-iskor ta’ 3-2. Kienet logħba ferm divertenti biż-żewġ naħat joħolqu futsal ferm sabiħ b’Naxxar li fl-aħħar mill-aħħar jieħdu t-tliet punti finali.  

Jose Pereira, Clyde Bonavia u Antoine Barbara skorjaw it-tliet gowls l-aktar importanti għan-Naxxarin filwaqt li Dusan Petrovic żamm lil Mellieħa fil-logħba.  

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE:  

Luxol 27,  Valletta 24, Universita’ ta’ Malta 21, Ta’ Xbiex 18, Mellieħa, Naxxar Lions 15, St George’s 9, Żurrieq 7, Qormi, Siġġiewi 6, Marsaskala 1.  

Sport