Iċ-champions Luxol St Andrews kellhom jitħabtu aktar milli mistenni sabiex jegħlbu lil Ta’ Xbiex bl-iskor ta’ 3-2 hekk kif intlagħbet it-tielet ġurnata tal-Enemed Futsal League.
Min-naħa tagħhom, Ta’ Xbiex ipproduċew wirja mill-aqwa u minkejja li dejjem kienu minn taħt, dejjem għarfu jġibu l-iskor indaqs għalkemm kellhom ibaxxu rashom fl-aħħar tmien minuti tal-logħba wara awtogowl.
Mark Zammit, Andre Ciancio u awtogowl kienu l-iskorers għal Luxol filwaqt li għal Ta’ Xbiex kienu Karl Sciortino u Zvezdan Vukovic li ħallew lit-tim tagħhom fil-logħba.
Din il-ġimgħa se tkun waħda importanti għal Luxol li se jkunu impenjati fir-rawnd ewlieni tal-UEFA Futsal Champions League li se jsir f’pajjiżna.
Swieqi United kisbu rebħa oħra importanti hekk kif għelbu lil Marsaskala 7-3.
Minkejja l-iskor, l-Iskalin taw battikata lil Swieqi u kien biss fit-tieni taqsima li dawn tal-aħħar aċċertaw ruħhom mit-tliet punti.
Fabrizio Zammit u Michael Borg skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Brandon Debono, Justin Theuma u Brayan Stiven żiedu aktar gowls għal Swieqi.
Marsaskala kellhom lil Craig Pickard jiskorja doppjetta b’Dylan Caruana jżomm lit-tim tiegħu għal-logħba.
Żurrieq Futsal għelbu lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena 8-4 f’logħba ferm interessanti li pproduċiet xejn inqas minn 12-il gowl.
Wara li ż-Żrieraq stabilixxew vantaġġ komdu ta’ 6-1, kien hemm reazzjoni taż-żgħażagħ Maltin li saħansitra għamlu l-iskor 6-4 għalkemm it-tim immexxi minn Boycho Marev għaraf iwettaq sforz kollettiv sabiex ħa t-tliet punti l-aktar importanti.
Javier Montes Burgos u Boycho Marev skorjaw hat-trick għal Żurrieq b’Armando Gjepali u Kurt Darmanin li żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.
Malta U19 skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Shiraz Attard, Ivin Gatt u Deyan Pace.
St George’s kellhom logħba pożittiva hekk kif għelbu lill-ġirien Fgura United 8-3.
Karl Luke Schembri kompla jimpressjona għat-tim mill-Kottonera meta skorja erba’ gowls b’Faisal Alnakou li kien awtur ta’ doppjetta personali.
Sean Parnis u Jose Luis Carlos Lopes ukoll niżżlu isimhom fost l-iskorers.
Għall-Fgurin skorjaw Sebastian Nayar, Jacques Vella Critien u Matthew Buttigieg.