Monday, March 24, 2025

Futsal: Luxol St Andrew’s idawru telfa f’rebħa

Aqra wkoll

Iċ-champions Luxol St Andrew’s dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lill-Universita’ ta’ Malta 5-3 f’partita ferm interessanti mill-Enemed Futsal Premier League.

L-Universitarji stabilixxew vantaġġ doppju iżda kellhom jaffaċċjaw ir-reazzjoni tat-tim immexxi minn Gabriel Dobre li fil-pront dawru l-iskor favurihom.

Steven Camilleri u Jose Cristian Fernandez skorjaw l-ewwel żewġ gowls għall-Universita’ ta’ Malta sabiex Jefferson Breno, Everton Veve, Luke Gatt, Marwan Telisi u Emil Raducu skorjaw ħames gowls għat-tim tagħhom li aċċertaw ruħhom mit-tliet punti. Steven Camilleri skorja gowl ieħor għall-Universita’ ta’ Malta li minkejja kollox m’evitax telfa għat-tim tiegħu.

Referees kienu Andrea Naudi u Danilo Francalanza.

Ta’ Xbiex Futsal ukoll kellhom jiġu minn wara sabiex jegħlbu l-isfida denja li tawhom Marsaskala Futsal 5-3.

L-Iskalin ħarġu tajjeb u kienu darbtejn minn fuq għalkemm Ta’ Xbiex kienu motivati li jiksbu t-tliet punti li bihom jippruvaw jikkwalifikaw għal mal-aqwa erbgħa tal-kompetizzjoni.

Giancarlo Sammut skorja doppjetta għal Ta’ Xbiex filwaqt li Juan Bautista Conde, Liam Caruana u awtogowl ta’ Sean Parnis kienu l-awturi tal-gowls l-oħra.

Marsaskala kellhom lil Amir Ashtiyani jiskorja doppjetta b’Hugo Vinicius li kien ukoll fost l-iskorers.

Referees kienu Stephen Vella u Danilo Francalanza.

Mill-Enemed Futsal Challenger League, Ħamrun SC Futsal NCMB għelbu faċilment lis-selezzjoni Maltija ta’ taħt id-19-il sena 7-0.

Il-Ħamruniżi diġa’ skorjaw erba’ gowls sa tmiem l-ewwel taqsima sabiex fit-tieni taqsima, huma setgħu jamministraw il-logħba aħjar.

Amin Louati u Gia Nikvashvili skorjaw żewġ gowls kull wieħed filwaqt li Hamza Harrat, David Bobokhidze u Ishmail Buhagiar żiedu l-iskor għat-tim tagħhom.

Referees kienu Danilo Francalanza u Stephen Vella.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport