Iċ-champions Luxol St Andrews kisbu rebħa tajba ta’ 6-1 kontra Fgura United sabiex komplew bil-konsistenza li qabdu biha dan l-aħħar fl-Enemed Futsal League.
It-tim minn St Andrews kellu lill-captain Mark Zammit li skorja hat-trick b’Matthew Attard, Andre Ciancio u Moises da Costa jiskorjaw il-gowls l-oħra.
Fgura skorjaw il-gowl ta’ konsolazzjoni permezz ta’ Jose Angel Godar Pereira.
L-Universita’ ta’ Malta baqgħu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika filwaqt li ġew minn gowl minn taħt hekk kif għelbu lil St George’s 3-1.
Steven Camilleri skorja doppjetta b’Denzil Pisani jżid ieħor għall-Universitarji.
Miguel Agius kien awtur tal-uniku gowl tal-Bormliżi.
Ta’ Xbiex Futsal għelbu lil Żurrieq Futsal 7-3. Karl Sciortino kien l-eroj għar-rebbieħa meta skorja tripletta b’Redeemer Borg, Dylan Musu, Zvezdan Vukovic u Stefi Cale jniżżlu isimhom fost l-iskorers.
Dale Vella, Boycho Marev u Chris Cardona skorjaw il-gowls ta’ Żurrieq.
Marsaskala għelbu lil Malta Veterans 4-1.
Craig Pickard u Jean Leite Lopes skorjaw doppjetta kull wieħed għall-Iskalin.
Is-solitu Noel Bray skorja l-uniku gowl għall-Veterani.