Saturday, September 14, 2024

Futsal: Luxol u Valletta jaqsmu l-ewwel post tal-klassifika

Aqra wkoll

Luxol u Valletta telgħu flimkien fl-ewwel post tal-klassifika tal-Enemed Futsal League wara rebħiet kbar li kisbu kontra l-avversarji rispettivi tagħhom.

Luxol rebħu konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika meta għelbu lill-Universita’ ta’ Malta bl-iskor ta’ 7-1. Inċidentalment din kienet l-ewwel telfa tal-Universitarji f’dan l-istaġun fejn fil-logħba kontra t-tim minn St Andrews sabu l-iebes, b’dawn tal-aħħar li bdew juru logħob aggressiv. Barra minn hekk it-tim immexxi minn Gabriel Dobre wera logħob kollettiv b’seba’ plejers differenti li jsibu x-xibka. Fil-fatt Celino Alves, Veve, Carl Azzopardi, Matthew Attard, Mark Zammit, Marwan Telisi u Dylan Musu niżżlu isimhom fil-lista tal-iskorers.

Andrew Pace naqqas il-marġni tal-iskor għall-Universita’ ta’ Malta.

Valletta imitaw lir-rivali eterni tagħhom wara skor ta’ 9-0 kontra Mellieħa. Kif jindika l-iskor, it-tim mill-kapitali kellu ħafna mil-logħob u fuq kulħadd spikka Zvezdan Vukovic li kien awtur ta’ hat-trick b’Jovica Milijic, Cedric Sciberras, Karl Sciortino, Luke Gatt u Claudio Venuto jiskorjaw għat-tim tagħhom bi plejer ta’ Mellieħa li jwettaq awtogowl.

Ta’ Xbiex telgħu waħedhom fir-raba’ post tal-klassifika wara li għelbu lit-tim tal-qiegħ Marsaskala bl-iskor kbir ta’ 12-0.

George Frendo kien ispirazzjoni għal Ta’ Xbiex tant li skorja erba’ gowls filwaqt li Glenn Bonello u Stefi Cale skorjaw doppjetta kull wieħed. Dexter O’Brien, Jason Gauci u Joshua Tonna żiedu aktar gowls għat-tim tagħhom.

Naxxar Lions kisbu rebħa ferm importanti wara li għelbu lil St George’s 5-2. B’dawn it-tliet punti, in-Naxxarin laħqu lil St George’s fil-klassifika b’sitt punti.

Naxxar kellhom lil Antoine Barbara li skorja hat-trick filwaqt li Miguel Alcaraz wettaq doppjetta personali.

St Georges kellhom il-mumenti tajbin tagħhom għalkemm il-gowls ta’ Herbert Spiteri u Ismael Buhagiar ma kinux biżżejjed sabiex jevitaw telfa oħra.

Finalment Qormi kisbu t-tieni rebħa staġjonali wara li għelbu lill-ġirien Siġġiewi 6-5. Dawn tal-aħħar dabbru t-tieni telfa konsekuttiva fejn wara bidu tajjeb, f’dawn l-aħħar partiti qed jiddiżappuntaw.

Craig Pickard skorja tliet gowls filwaqt li Vuk Rankovic kien awtur ta’ doppjetta bi Christian George Mallia li għaqqad in-nofs tuzzana għal Qormi.

Siġġiewi skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ hat-trick minn Ryan Muscat, Justin Theuma u Darren Attard.

KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE

Luxol, Valletta 21, L-Universita’ ta’ Malta 18, Ta’ Xbiex 15, Mellieħa 12, Siġġiewi 9, St George’s, Naxxar Lions, Qormi 6, Żurrieq 4, Marsaskala 1.

Ekonomija

Sport