It-team nazzjonali Malti tal-Futsal ipproduċa prestazzjoni pożittiva u rnexxielu jirbaħ it-tieni logħba ta’ ħbiberija internazzjonali kontra l-Awstrija 5-2.
Kienet wirja eċċezzjonali mill-players ta’ Zejlko Anicic li taw kollox biex iħassru r-riżultat negattiv tal-ġurnata ta’ qabel hekk kif tilfu bl-iskor kbir ta’ 8-2.
Il-Maltin ħasdu lill-avversarji tagħhom fl-ewwel minuti hekk kif stabbilixxew vantaġġ doppju permezz ta’ Andre Cachia u Steven Camilleri.
Hekk kif il-partita saret daqsxejn aktar nervuża u bil-Maltin iwettqu ħames fouls, l-Awstrijaċi ngħataw free shot li ġie skurjat mill-captain Vahid Muhamerovic.
Fit-tieni taqsima, il-Maltin żammew l-approċċ kuraġġuż u saħansitra approfittaw li kellhom player aktar mill-avversarji tagħhom hekk kif Gustavo Steinwandter tkeċċa wara ritaljazzjoni. Minn dan l-episodju, Malta għamlu l-iskor 3-1 bi Cleaven Portelli ikollu x-xutt b’saħħtu tiegħu jispiċċa fix-xibka.
L-istess Portelli kompla jikkonferma lilu nnifsu bħala skorer prolifiku hekk kif skorja f’lasta vojta waqt li l-Awstrijaċi kienu qed joperaw permezz tal-flying keeper tagħhom.
Intant, l-Awstrijaċi ġibdu naqqsu l-marġni tal-isor permezz ta’ Marco Meitz li x-xutt b’saħħtu tiegħu għeleb lil Debono.
Il-Maltin iżda skurjaw il-ħames gowl tagħhom permezz ta’ Luke Gatt biex għamlu l-iskor finali 5-2 favurihom.
Malta: Brandon Debono, Steven Camilleri, Andre Cachia, Maicon, Luke Gatt, Karl Sciortino, Dale Valletta, Andre Ciancio, Aaron Montebello, Ryan Muscat, Karl Luke Schembri, Clint Mifsud, Cleaven Portelli, Jean Noel Azzopardi.
Awstrija: Matthias Sadilek, Marco Meitz, Matthias Binder, Sinan Bicer, Vahid Muhamerovic, Dominik Hemmelmayer, Marko Mrsic, Athur Vozelinek, David Rajkovic, Gustavo Steinwandter, Alec Flogel, Manuel Leeb, Andrej Vukovic, Fatlum Kreka.
Referees: Stephen Vella, Andrea Naudi, Tesmarie Busuttil.
Time-Keeper: Jonathan Balzan.