Il-kampjonati tal-futsal komplew b’ġimgħa oħra mimlija tensjoni u emozzjonijiet, fejn Zero Sei Futsal fl-isfera tan-nisa waqgħu l-ewwel punti tagħhom, filwaqt li Santa Venera Lightnings kisbu l-ewwel punt tal-istaġun f’partita drammatika li ntemmet bl-aħħar azzjoni tal-logħba.
Fil-kampjonat maskili Santa Venera Lightnings Futsal kisbu l-ewwel punt tagħhom hekk kif ipareġaw 3-3 kontra Sliema Futsal Fort Fitness fl-aħħar sekonda, bil-gowl deċiżiv ikun tal-Kolumbjan Jimenez Martinez Jonathan Jose. Santa Venera kisbu riżultat importanti għalihom, waqt li Sliema sofrew daqqa ta’ ħarta fil-mixja tagħhom biex ikunu mal-ewwel ħamsa.
GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal telgħu jissieħbu fl-ewwel post ma’ University of Malta Futsal wara li għelbu lil Futsal Selection U19 f’partita dominata fit-tieni taqsima, fejn ħames plejers differenti sabu x-xibka, erbgħa minnhom wara l-mistrieħ. Ghal skor finali ta 5-0
Luxol St. Andrews Futsal komplew is-sensiela ta’ riżultati pożittivi meta għelbu lil Marsaskala Futsal Legends bl-iskor ta’ 3-2. Minkejja li kienu 3-0 minn fuq, Marsaskala kważi għamlu rimonta sħiħa iżda Luxol baqgħu jikkontrollaw sal-aħħar. Żejtun Corinthians Futsal WA kisbu rebħa komda ta’ 10-5 fuq Futsal Selection U17, f’partita li fiha Abuaisha Nezar Fawzi kien il-protagonista bi tliet gowls għaż-Żwieten.
Fil-Klassifika tal-Irġiel wara Matchweek 5 fl-ewwel post insibu University of Malta Futsal b’12-il punt flimkien ma’ GŻR Birżebbuġa St. Peter’s Futsal li għandhom ukoll 12-il punt. Fit-tielet post hemm Luxol St. Andrews Futsal b’9 punti, segwiti minn Marsaskala Futsal Legends u Żejtun Corinthians Futsal WA li għandhom 9 punti kull wieħed. Sliema Futsal Fort Fitness jinsabu fis-sitt post b’4 punti, waqt li Santa Venera Lightnings Futsal għandhom 1 punt. Fil-qiegħ tal-klassifika nsibu lil Futsal Selection U19 u Futsal Selection U17, it-tnejn bla punti.
Fil-kampjonat Femminili, Zero Sei Futsal għadhom fil-quċċata tal-klassifika minkejja li waqgħu l-ewwel punti tagħhom f’draw ta’ 2-2 kontra Luxol Sports Club Futsal Argus. Jasmine Vella Turner kienet il-protagonista ta’ Luxol meta skurjat iż-żewġ gowls tat-tim tagħha.
Swieqi United Futsal LEC07 għelbu lil Parr Mela Rockets Futsal bl-iskor ta’ 5-3, b’Swieqi jieħdu vantaġġ kmieni filwaqt Parr Mela ppruvaw jirreaġixxu iżda ma rnexxilhomx isibu biżżejjed gowls biex jiksbu l-ewwel punti tal-istaġun. St George’s Futsal ħarġu rebbieħa b’4-0 kontra St Andrews Futsal, b’żewġ gowls f’kull taqsima li taw rebħa komda lill-Bormliżi.
Il-Klassifika wara tmiem l-ewwel rawnd tarah lil Zero Sei Futsal fl-ewwel post b’13-il punt, segwiti minn Luxol Sports Club Futsal Argus u St. George’s Futsal li għadhom b’10 punti kull wieħed. Swieqi United Futsal LEC07 jinsabu fir-raba’ post b’7 punti, filwaqt li St. Andrews Futsal għandhom 3 punti. Fil-qiegħ tal-klassifika hemm Parr Mela Rockets Futsal bla punti.


