Swieqi United jinsabu fl-ewwel post tal-Enemed Futsal League hekk kif għelbu lil St George’s bl-iskor ta’ 4-1.
It-tim immexxi minn Dylan Micallef għamel l-intenzjonijiet ċari sa mill-bidu u stabilixxa vantaġġ ta’ 3-0. Wara li l-Bormliżi naqqsu l-marġni tal-iskor, Swieqi riedu jagħmlu ċert mit-tliet punti finali u skorjaw lejn l-aħħar sabiex ir-riżultat spiċċa favurihom.
Justin Theuma, Fabrizio Zammit, Emerson Molina u Dylan Pace skorjaw il-gowls ta’ Swieqi b’Jovica Milijic li naqqas il-marġni tal-iskor għal St George’s.
Sadanittant il-logħba bejn Luxol u Żurrieq ġiet posposta minħabba l-impenji li ċ-champions Maltin għandhom fil-UEFA Futsal Champions League.
L-Universita’ ta’ Malta għelbu lil Marsaskala 8-1 sabiex laħquhom fil-klassifika ġenerali hekk kif issa għandhom sitt punti.
Steven Camilleri u Jean Noel Azzopardi skorjaw doppjetta kull wieħed filwaqt li Aaron Montebello, Shataizan Zarb u Dale Valletta żiedu aktar gowls għall-Universitarji.
Ishmael Tabone naqqas il-marġni tal-iskor għal Marsaskala.
F’logħba ferm kumbattuta, Fgura United għelbu lit-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena bl-iskor ta’ 4-2.
Minkejja li l-Fgurin kienu dejjem fil-vantaġġ, iż-żgħażagħ Maltin ma ċedewx pulzier u dejjem kienu fil-logħba.
Artem Mitielov, Sebastian Nayar, Nathan Sammut u Antoine Barbara skorjaw għal Fgura filwaqt li Collin Sammut u Deyan Pace niżżlu isimhom fost l-iskorers għal Malta U19.
KLASSIFIKA – ENEMED FUTSAL LEAGUE
Swieqi 12, Żurrieq, Luxol, St George’s, Ta’ Xbiex 9, Marsaskala, L-Universita’ ta’ Malta, Fgura 6, Malta Veterans, Malta U19 0