Iċ-champions tal-futsal Malti Luxol St Andrews ipproduċew wirja impekkabbli fit-tieni impenn tagħhom fil-UEFA Futsal Champions League meta għelbu lil Hovocubo tal-Olanda 5-1.
Kienet partita ferm pożittiva għal Luxol li sa mill-ewwel minuta wrew aggressivita’ u konċentrazzjoni massima kontra l-avversarji Olandiżi.
Fuq kollox spikka l-għatx fil-plejers ta’ Luxol li jakkwistaw il-kwalifikazzjoni għal Elite Round li tant ilhom jiġru warajha.
Min-naħa tagħhom, Hovocubo kienu ferm konfużi fil-logħob tagħhom u ftit setgħu jagħmlu kontra l-qawwa tal-klabb Malti.
Luxol marru minn fuq wara biss 30 sekonda permezz ta’ Maicon li xeħet il-ballun ġewwa wara pass ta’ Everton Veve.
It-tim minn St Andrews baqa’ jagħfas sabiex ikompli jżid il-gowls u rdoppja l-iskor permezz ta’ Dejan Bizjak għalkemm ix-xutt tiegħu ġie devjat minn Lahcen Bouyouzan għal ġewwa.
Qabel tmiem l-ewwel taqsima, it-tim immexxi minn Gabriel Dobre għamluhom tlieta.
Wara li l-Olandiżi kkommetew is-sitt foul, ir-referee Miguel Castilho saffar għall-freeshot li ġie skorjat minn Bizjak għal doppjetta personali.
Fit-tieni taqsima, Luxol baqgħu dominanti minkejja li Hovocubo ħarġu bil-flying keeper fit-tentattiv li jerġħu jidħlu fil-logħba.
F’nofs it-tieni taqsima, Hovocubo għamlu ħames minuti jilagħbu b’erbgħa min-nies meta tkeċċa l-captain Mats Velseboer li waqqaf azzjoni ta’ gowl ta’ Bizjak.
Luxol approfittaw u skorjaw ir-raba’ gowl permezz tal-plejer Brażiljan Fumasa li xellef il-ballun għal ġewwa.
Hovocubo naqqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Abdel Amghar li x-xutt tiegħu qarraq bil-keeper ta’ Luxol Celio.
Madankollu ċ-ċirasa fuq il-kejk wettaqha Maicon li ftit minuti minn tmiem issiġġilla r-rebħa ta’ Luoxl hekk kif ix-xutt tiegħu ma ta l-ebda ċans lil Habets isalva.
Tmiem il-partita kien ta’ ċelebrazzjoni sħiħa għall-plejers u diriġenti ta’ Luxol li ġew ikkonfermati bħala t-tieni tim li kkwalifika għall-fażi elite ta’ din il-kompetizzjoni. Huma jilagħbu ma’ Barcelona nhar is-Sibt li ġej, li aktar qabel ġabu fix-xejn l-isfida ta’ Dobovec tant li rebħulhom bl-iskor kbir ta’ 8-0.
Luxol: Celio, Celino Alves, Veve, Maicon, Dejan Bizjak, Stefan Vella, Diece, Victor Dias, Mark Zammit, Andy Mangion, Marrwan Telisi, Jhonn Anderson Castro, Emil Raducu, Fumasa
Hovocumbo: Melvin Habets, Faisel Mellah, Abdesamad Attahiri, Iliass Bouzit, Lahcen Bouyouzan, David Stet, Oualid Tarifit, Tijani Cherkaoui, Mats Velseboor, Abdel Amghar, Nabil Akazoun, Hicham Aklalouch, Nourredine Ben Youssef
Referee 1: Miguel Castilho (Portugall)
Referee 2: Nicola Mazzione (Italja)
Referee 3: Stefan Vrijens (Belġju)
Time-keeper: Andrea Naudi